Lokali Unjoni Ewropea

Proposta tal-MEP Peter Agius favur il-gżejjer u l-prodotti tradizzjonali approvata fil-Parlament Ewropew

“Qabel l-elezzjoni wegħedtkom li ser naħdem biex nadattaw l-Ewropa aħjar għal Malta u Għawdex. Bdejna nwettqu riżultati konkreti f’din id-direzzjoni bi proposta ta’ proġett Ewropew biex jgħin il-produtturi ta’ prodotti tradizzjonali mill-gżejjer biex jimxu ‘l quddiem fl-Ewropa.”

Il-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur fil-Parlament Ewropew tul il-jum tal-Ħamis approva proposta tal-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius li titlob lill-Kummissjoni Ewropea tiffinanzja proġetti li jgawdu minnhom speċifikament produtturi żgħar ta’ prodotti artiġġjanali fil-gżejjer fl-Unjoni Ewropea.

Bis-saħħa ta’ din il-proposta, dawk li jipproduċu prodotti tipiċi, kemm tal-ikel jew oħrajn, jistgħu jibbenefikaw minn promozzjoni fl-Ewropa u minn fondi Ewropej biex pereżempju japplikaw għall-protezzjoni ġeografika għall-prodotti tagħhom jew biex jippromovu l-prodotti b’mod iktar effettiv online.

Il-Parlament Ewropew issa qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li jkun hemm proġett pilota li jistgħu jgawdu minnhom artiġġjana fil-gżejjer bħal Malta u Għawdex.

Peter Agius saħaq li huwa importanti li l-benefiċċji tal-Ewropa jaslu għand kulħadd u jrid jiġi żgurat li l-budget Ewropew igawdu minnu firxa wiesgħa ta’ negozji, inkluż dawk żgħar li jipproduċu prodotti awtentiċi li jridu jiġu megħjuna biex jikbru fis-suq Ewropew.

Il-proposta ta’ Agius iddaħħal artikolu ġdid fil-budget tal-Unjoni Ewropea biex jiġu megħjuna l-artiġġjana reġjonali u fil-gżejjer li jistgħu jibbenefikaw minn network biex itejbu l-prattiċi tajba flimkien u jtejbu l-prodotti.

Din hija l-ewwel darba li proposta bħal din saret minn Membru Parlamentari Ewropew Malti fil-qasam tas-Suq Intern.

“Kif sħaqt qabel l-elezzjoni, irridu nadattaw aktar l-Ewropa għall-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. F’pajjiżna għandna ħafna artiġġjana u negozji żgħar li jistgħu jgawdu minn dawn il-proġetti. Xogħli bħala MEP hu li nkomplu nagħtu l-għodda li hemm bżonn biex in-negozji tagħna jimirħu iktar fis-suq Ewropew u jkomplu jikkontribbwixxu għall-ekonomja Maltija”, temm jgħid Peter Agius.