Sport Waterpolo

Rimonta fit-tieni parti tal-logħba mhix biżżejjed għat-tim nazzjonali U19… Malta tikklassifika fl-14-il post

MALTA……………….. 8

FRANZA……………… 9

(1-3), (2-5), (2-1), (3-0)

Rimonta u sforz mill-aqwa fit-tieni parti tal-logħba ma kienx biżżejjed biex it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena jevita telfa kontra Franza. Dan kien it-tieni konfront kontra l-Franċiżi f’din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew wara li l-Franċiżi rebħu 15-11 jumejn ilu. B’dan ir-riżultat, Malta kklassifikat fl-14-il post, erba’ postijiet lura mill-10 post miksub sentejn ilu f’Podgorica, dakinhar taħt it-tmexxija ta’ Anthony Farrugia.

Franza fetħet tajjeb u ħadet vantaġġ doppju fl-ewwel minuti tal-logħba. Kontra ta’ dak li seħħ fil-konfront ta’ jumejn ilu meta Franza ħadet vantaġġ ta’ 6-1 fl-ewwel sessjoni, it-tim Malti baqa’ qrib l-avversarji u naqqas id-distakk minn penalty ta’ Jayden Cutajar. Dan sakemm Manatea Mathieu skorja t-tielet gowl Franċiż lejn tmiem is-sessjoni.

Il-Franċiżi ħadu l-kontroll tal-logħba fit-tieni sessjoni u bnew vantaġġ komdu ta’ 7-1 sa żewġ minuti minn tmiem is-sessjoni. Madankollu t-tim Malti ssielet u l-ewwel naqqas id-distakk għal 8-3 biex fit-tielet sessjoni sessjoni, niżżel id-differenza għal tliet gowls b’doppjetta ta’ Alec Fenech. Mathieu żamm il-vantaġġ ta’ Franza għal 9-5 minn man-up. Sfortunatament f’din is-sessjoni, Malta tilfet lil Max Zammit u Jayden Cutajar li ġew esklużi għal tliet darbiet.

Minkejja dan in-nuqqas, iż-żgħażagħ Maltin immexxija minn Milan Cirovic baqgħu jissieltu. Il-plejers Maltin innewtralizzaw l-attakki Franċiżi u saħansitra naqqsu d-distakk għal 9-8 bir-raba’ gowl personali ta’ Alec Fenech u doppjetta ta’ Jake Cachia.

Kien għad fadal ftit anqas minn żewġ minuti logħob u l-Franċiżi bdew iħossu l-pressjoni tat-tim Malti. Iżda sfortunatament minkejja l-aħħar sforzi, il-gowlkiper Yvano Voigt kien attent u salva lit-tim tiegħu biex Franza żammet il-vantaġġ minimu.

Malta: Z. Dzanovic, L. Mallia, J. Valletta, E. Mallia, J. Cachia (2), D. Bugeja, M. Zammit, J. Cutajar (2), E. Schembri, K. Borg, A. Fenech (4), L. Dimech, S. Livori

Franza: Y. Voigt, M. Mathieu (2), M. Bliek Pannetier (1), V. Laces, A. de Reviers (1), K. Braise Fernandez (1), P. Pourtau Sire (1), A. Mehdi (1), J. Scorletti, A. Lorantos (2), N. Nikolic, S. Chaplet, I. Fuksa

Referees: Bogdan Beljin (Serbja), Matjaz Homovec (Slovenja)