Wara li l-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, saħaq ma’ Net News li t-tobba ma jistgħux joqogħdu jagħmluha ta’ Sherlock Holmes biex jivverifikaw jekk il-pazjenti tagħhom humiex il-persuni li qed jgħidu li huma jew le – kien imiss issa n-nutara li jesprimu dubji dwar il-kwistjonijiet serji li qed jolqtu l-aġenzija Identità.
Fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-Kunsill Nutarili ħareġ direttiva b’effett immedjat, sabiex il-Korp tan-nutara la jiffirma u lanqas jimla’ l-formola ġdida għar-reġistrazzjoni ta’ kirjiet kif maħruġa minn Identità – b’referenza għal-formola ġdida b’rabta ma’ persuni ġejjin minn pajjiżi terzi. Dan filwaqt li l-Kunsill saħaq li għandha dejjem tiġi żguara ċ-ċertezza legali, li tagħha n-nutar huwa garanti.
Net News tkellem ma’ Daniel Vella, Teżorier tal-Kunsill Nutarili, li saħaq li n-nutar ma jista’ qatt jivverifika jekk il-karta tal-identità tal-klijent tkunx vera jew le – ladarba tkun maħruġa mill-aġenzija Identità.
Iżda insista li wara dak kollu li sar magħruf fl-aħħar jiem u ġimgħat… id-dubju jibqa’ xorta hemm.
Tajjeb wieħed ifakkar li qed jiġi allegat li dan l-abbuż fil-karti tal-identità qed jitwettaq mhux minn sempliċi gang ta’ kriminali, iżda mill-qalba tal-Aġenzija stess; fi kliem sempliċi daqslikieku qed jiffalsifika l-flus kontanti l-Bank Ċentrali stess.
Bil-firma tan-nutar, minħabba li jirrappreżenta lill-Istat, jagħmel lill-istess nutar kompliċi mingħajr ma jkun jaf f’dan l-att illegali li allegatament qed jitwettaq b’mod sistematiku.
Daniel Vella fakkar li l-Kunsill m’għandux problema li jsiru l-firem quddiem in-Nutara u fakkar li l-kwistjoni hija dwar miżura ġdida introdotta minn Identità li tobbliga lil persuni li huma TCNs biex japplikaw għal permess ta’ residenza b’formola ffirmata minn Nutar – liema firma tal-klijent allegatament ma kinitx rikjesta li ssir quddiem Nutar jew Avukat, u li jwassal għal aktar lok ta’ abbuż.
Huwa insista li dan kollu qed isir biex tiġi żgurata li l-partijiet fuq il-kirjiet huma vera n-nies li hemm imniżżlin.
Aktar kmieni din il-ġimgħa t-tabib Martin Balzan saħaq ma’ Net News li fl-opinjoni tiegħu, l-allegat taħwid li hemm f’Identità huwa veru la darba kull ħaddiem mediku qed ikun rikjest biex jara l-karta tal-Identità, liċenzja jew passaport.
Intant, l-Avukat Jason Azzopardi talab sabiex tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-iskandlu tal-ID Cards foloz – liema inkjesta bħalissa tinsab għaddejja – b’diversi ċittadini Maltin u Għawdxin qed jersqu ‘l quddiem biex jgħidu li huma kienu vittmi ta’ serq ta’ identità.
//= $special ?>