Internazzjonali

STATI UNITI: Tifel ta’ 14-il sena arrestat b’rabta ma’ sparatura fi skola li ħalliet erba’ vittmi

Ritratt: CNN

Colt Gray – tifel ta’ 14-il sena – ġie arrestat wara li allegatament qatel żewġ studenti u żewġ għalliema fl-Istati Uniti.

Gray huwa student fl-iskola fejn seħħet l-isparatura li wassal għal għeluq ta’ din l-iskola sakemm it-tifel ta ruħu b’idejh lill-Pulizija. Għaldaqstant, fl-aħħar sigħat ġew identifkati l-erba’ vittmi li huma żewġ studenti ta’ 14-il sena, għalliem ta’ 39 sena u għalliema ta’ 53 sena.

Dan apparti li f’din l-isparatura disa’ persuni kellhom jittieħdu l-isptar wara li sofrew minn xi ġrieħi.

Rapporti internazzjonali qalu li f’Mejju tas-sena li għaddiet l-FBI rċiviet numru ta’ rapporti anonimi b’rabta ma’ theddid ta’ sparatura f’din l-istess skola, bit-theddid kien qed isir online. Intqal ukoll li l-Pulizija kienu wasslu għal Colton Gray li dak iż-żmien kellu 13-il sena.

Jidher li t-tifel ċaħad li kien responsabbli għal dan it-theddid u għalhekk kien inħeles, però, issa l-Pulizija qed tinvestiga kull possibbiltà li seta’ wassal għal din l-isparatura.