Raġel ta’ 45 sena residenti Raħal Ġdid, ġie kkundannat tliet snin ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li ammetta akkużi ta’ diversi serqiet f’Raħal Ġdid, fil-Fgura u f’Ħal Tarxien. Stephen Urry kien qed jiġi mixli li seraq basket tad-ditta Burberry, kartiera tal-marka Gucci, nuċċali Ray Ban u karti ta’ kreditu mill-Bank APS, karti tal-identità u dokument tal-liċenzja tas-sewqan.
Kien qed jiġi mixli wkoll b’serq ta’ batterija ta’ karozza, ċavetta, mowbajl u flus kontanti minn vetturi pparkjata f’dawn it-tliet lokalitajiet bejn Ġunju u Awwissu ta’ din is-sena. Kien qed jiffaċċja wkoll akkużi li wettaq ħsarat volontarju fuq erba’ vetturi waqt is-serqiet u li kiser kundizzjonjiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor fil-15 ta’ Awwissu tal-2022.
Fil-Qort, il-Pulizija qalet lill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li waħda mis-serqiet wasslet għall-arrest tar-raġel hekk kif inqabad fuq filmat li ġie ċċirkolat fuq il-mezzi soċjali minn terzi li għaddew l-informazzjoni lill-Pulizija tad-Distrett.
L-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih u kien għalhekk li l-Qorti, wara li l-ewwel tagħtu ċans jerġa’ jaħsibha fuq l-ammissjoni tiegħu skont il-liġi, spjegatlu bi kliem ċar li hemm piena ta’ ħabs fuq akkużi bħal dawn. Huwa xorta waħda nsista l-ħtija tiegħu. j
Il-prosekuzzjoni u d-difiża qablu mal-piena ta’ tliet snin ħabs, u l-Maġistrat qablet ukoll mal-ftehim u kkundannat lil Urry għall-imsemmija piena.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Antonello Magri, Kurt Farrugia u Keith Rizzo.
//= $special ?>