Il-wegħda tal-Gvern li jagħmel estensjoni tal-Qorti f’binja oħra fi Triq Dejqa fil-Belt Valletta, baqgħet ma twettqitx wara kważi 4 snin minn meta l-Ministru għall-Ġustizzja, dak iż-żmien Edward Zammit Lewis, ħabbar il-proġett waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post.
Sostna dan ix-Shadow Minister Karol Aquilina hekk kif spjega li f’Novembru 2020, il-Ministru għall-Ġustizzja kien ħabbar li din il-binja, li tinsab ħdejn il-Qorti tal-Familja, se tiġi mmodernizzata biex fiha jkun hemm 4 awli u 25 uffiċini ġodda b’investiment ta’ €5 miljun. Il-Ministru kien ftaħar ukoll li l-proġett kien se jkun lest sa Jannar 2023 u li bih il-pubbliku, il-ġudikanti u l-ħaddiema tal-Qorti kienu ser jinqdew aħjar.
Huwa saħaq li minkejja d-diversi wegħdi tal-Ministru għall-Ġustizzja, sal-lum għadhom ma nbdew l-ebda xogħlijiet u jidher li l-proġett ġie abbandunat. Il-permess għal dan il-proġett ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar fi Frar 2023, jiġifieri aktar minn sena u nofs ilu.
Dan filwaqt li qal li n-nuqqas ta’ spazju u faċilitajiet adegwati huma fost il-bżonnijiet urġenti li għandha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Jeżisti wkoll nuqqas kbir ta’ ħaddiema fl-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, inkluż persuni li għandhom esperjenza u għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali li jkunu assenjati direttament mal-Imħallfin u l-Maġistrati ta’ pajjiżna.
Karol Aquilina qal li dawn huma meħtieġa biex jiġi indirizzat in-numru kbir ta’ kawżi pendenti u biex tispiċċa s-sitwazzjoni fejn Imħallfin u Maġistrati ma jkunux jistgħu jisimgħu l-kawżi minħabba li ma jkunx hemm awli disponibbli għalihom jew ħaddiema assenjati magħhom.
“Quddiem din is-sitwazzjoni gravi, il-Ministru għall-Ġustizzja ma jistax jibqa’ aktar ċass. Pajjiżna għandu bżonn li jieħu azzjoni biex is-sistema tal-ġustizzja tagħna ssir waħda serja, ġusta, effiċjenti u effettiva. Iċ-ċittadini u n-negozji Maltin u Għawdxin spiċċaw vittmi tal-falliment tal-Ministru Jonathan Attard u qed ikollhom ibatu huma l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ ppjanar u investiment biex titjieb is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna.”
//= $special ?>