Internazzjonali

Donald Trump: Is-sentenza dwar il-ħlas ta’ flus illegali posposta għal wara l-elezzjoni

Il-qari tas-sentenza tal-qorti dwar l-aġir kriminali min-naħa tal-eks President Amerikan Donald Trump spiċċat posposta għal wara l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza tal-Istati Uniti….Elezzjoni li fiha Trump, bħala l-kandidat tal-Partit Repubblikan, se jisfida lill-Viċi-President Amerikan Kamala Harris, il-kandidat tal-Partit Demokratiku fil-Gvern, għat-tmexxija tal-pajjiż fuq perjodu ta’ erba’ snin.

Il-każ dwar hekk-imsejjaħ ‘hush money’ kien jinvolvi metodu ta’ ħlas illegali lil persuna biex din ma tiżvelax informazzjoni li, allegatament, kellha tkun embarazzanti ħafna għal Trump. Intant, il-konferma tas-sentenza tressqet ‘il quddiem għas-26 ta’ Novembru minħabba li fadal anqas minn xahrejn għall-elezzjoni u biex din ma tippreġudikax lill-elettorat b’mod li mhux xieraq.

Intant, hemm possibbiltà li Trump, f’każ li jkun elett President mill-ġdid, isir l-ewwel Mexxej tal-Istati Uniti fl-istorja li qatt kellu rekord kriminali.

Hu minnu wkoll li l-avukati ta’ Trump irrikorrew għal diversi manuvri legali biex is-sentenza — oriġinarjament programmata għat-18 ta’ Settembru — tkun posposta għal data oħra.

F’Mejju li għadda, ġuri fi New York kien ikkundanna lil Trump dwar 24 għadd ta’ akkuża li jinvolvu falsifikazzjoni tar-rekords kummerċjali….Il-verdett tal-ħtija hu wkoll sinifikanti għaliex hu l-ewwel wieħed għal eks-President tal-Istati Uniti.

U waqt li konferma l-verdett fi New York, l-Imħallef kiteb li l-każ jirrikjedi ‘smigħ relatat mas-sentenza li jibbaża kollu kemm hu fuq il-verdett tal-ġuri.’