Lokali

AĠĠORNATA: Evakwati xi nies minn binja f’Paceville wara ħruġ ta’ gass

Wara rapporti dwar leak ta’ gass fl-inħawi ta’ Paceville, il-Pulizija assistew lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex ġew evakwati numru ta’ persuni bħala prekawzjoni.

Il-każ seħħ tard ilbieraħ filgħaxija fi Triq Sant’Andrija, fl-inħawi magħrufa bħala Pender Gardens.

S’issa għadu mhux ċar xi kkawża dan il-leak ta’ gass. Għalkemm jidher li fortunatament ħadd ma weġġa’ jew kellu bżonn assistenza medika.

Fil-post xorta waslet ambulanza bħala prekawzjoni, kif ukoll numru ta’ vetturi tas-CPD u pumpieri li assistew fl-evakwazzjoni.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Solidarjetà mas-Sindku ta’ Birkirkara Desirei Grech minħabba theddid li rċeviet

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi s-solidarjetà tiegħu mas-Sindku ta’ Birkirkara, Desirei Grech, wara li l-Bomb Disposal Unit kellu jiġi msejjaħ minħabba theddid li rċeviet is-Sindku tal-istess lokalità.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino u mill-President tal-Kulleġġ tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna b’mod qawwi kull forma ta’ intimidazzjoni kontra uffiċjali pubbliċi li qed iwettqu d-dmirijiet ċivili tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista ma jippermetti qatt li Kunsilliera jew impjegati pubbliċi jiġu intimidati waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom b’risq il-komunità.

Ħadd m’għandu jiġi mhedded, speċjalment dawk li jagħżlu li jaqdu s-servizz pubbliku. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu lil dawk kollha li jaħdmu f’karigi pubbliċi u jibqa’ miexi biex jiddefendi d-dritt tagħhom li jwettqu dmirijiethom mingħajr biża’ ta’ riperkussjonijiet.