Diversi persuni rrappurtaw kif ilbieraħ bil-lejl spiċċaw bla provvista tal-elettriku f’għadd ta’ lokalitajiet madwar Malta.
L-Iklin, Birkirkara u l-Ħamrun kienu fost zoni li spiċċaw bla dawl għal sigħat sħaħ, b’uħud mhux biss qattgħu l-lejl bla elettriku, iżda saħansitra l-problema baqgħet għaddejja sa dalgħodu.
B’uħud inqatagħlhom, ġie lura u reġa’ nqata’ ftit tas-sigħat wara. Xi ħaġa li tagħmel ħafna ħsara lill-apparat fid-djar tagħna tant li diversi persuni kellhom jarmu xi fridge jew apparat ieħor hekk kif jitilqu bil-provvista tal-elettriku ġejja u sejra.
Dan fisser li eluf ta’ Maltin kellhom jipprovaw jorqdu fi sħana kbira li għadha qed tagħmel f’dawn ix-xhur sajfin. Sitwazzjoni li ma ġratx darba, darbtejn, matul dan is-sajf hekk kif ħafna saħansitra esperjenzawha għal jum wara l-ieħor kull ġimgħa. U dan meta l-poplu kien imwiegħed li din is-sitwazzjoni mhix se terġa’ tiġri wara s-sajf tal-2023.
Il-Ministru responsabbli minn dan, Miriam Dalli, kemm-il darba ġiet mistoqsija dwar din is-sitwazzjoni, iżda jidher li m’għandix imqarr soluzzjoni waħda. Tant li kulma kienet qalet li hi tinsab inkwetata ferm dwar dan. Sitwazzjoni li qed nesperjenzaw għat-tieni sajf konsekuttiv, għalkemm kienet insistiet li x-xogħol li sar fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl ħadem.
Sitwazzjoni li tant hi waħda ddisprata li saħansitra spiċċaw jitfu l-generators wara l-bieb tan-nies sabiex jilqgħu għall-qtugħ tad-dawl. Xi ħaġa li żgur ma solvietx il-problema, apparti t-tniġġis kbir li ġabu magħhom.
Din hi konferma oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux soluzzjoni fit-tul għal dan is-settur għajr għal generators u power station temporanja li taħdem bid-diesel.
//= $special ?>