Lokali

Iktar dewmien biex jinfetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid

Il-Gvern ikkonferma li se jkun qed iħassar il-kuntratt li kellu mal-kuntratturi li kienu qed jaħdmu fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid wara dewmien biex ilaħħqu mal-miri li kellhom sabiex jinfetaħ għall-pubbliku u jibda jservi lill-pazjenti.

Dan iċ-Ċentru tas-Saħħa kellu jiftaħ il-bibien tiegħu fl-2020 iżda erba’ snin wara dawn l-istess bibien għadhom magħluqin, minkejja li anke t-tagħmir huwa nstallat, lest biex jiġi użat.

Il-kuntratturi ta’ Ergon-Technoline kien jonqoshom biss li jipprovdu ċertifikati ta’ konformità li huma meħtieġa biex iċ-Ċentru jkun jista’ jibda jopera. Fost iċ-ċertifikati meħtieġa hemm dawk dwar il-lifts, ix-xogħol ta’ elettriku u plumbing, u ta’ health and safety.

Il-kuntratturi ġew immultati madwar €2 miljun talli naqqsu milli jipprovdu ċ-ċertifikati meħtieġa, iżda jidher li dan ma solva xejn. Tant li l-Gvern kellu jħassar il-kuntratt biex jibda mill-ġdid ma’ kuntrattur ġdid.

Issa għandha tidħol il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi sabiex issib kuntrattur ġdid u tassigura li jkollha f’idejha ċ-ċertifikati meħtieġa. Proċess li jieħu fit-tul. Tant li sadanittant għad m’hemmx data meta se jiftħu l-bibien ta’ dan iċ-Ċentru.

Ix-xogħol fuq iċ-Ċentru ilu li beda mill-2017 b’investiment ta’ €39 miljun fejn kellu jgħaqdi mal-130,000 persuna. Iżda, sal-ġurnata tal-lum, lanqas persuna waħda ma ġiet mgħoqdija f’dan iċ-Ċentru.

B’dan iċ-Ċentru li ilu jmiss il-midja lokali għal snin sħaħ hekk kif ftit wara li ngħata t-tender lill-kumpanija SP BB International JV sar magħruf li l-proċess tat-tender kien wieħed imbagħbas u allura kellhom joħorġu tender ieħor.

Dan iċ-Ċentru kellu l-għan li jtaffi xi ftit jew wisq mill-pressjoni li hemm fuq l-Isptar Mater Dei, liema għan kellu jintlaħaq ebra’ snin ilu, iżda issa jidher li saħansitra se jkollna nistennew ix-xhur biex forsi nibdew naraw il-pazjenti jinqdew minn dan iċ-Ċentru.