Lokali

Il-Forum Unions Maltin jesprimi tħassib dwar il-proċeduri kriminali kontra lettur u l-istudenti

Fi stqarrija l-Forum Unions Maltin sostna li qed jesprimi tħassib kbir dwar l-azzjonijiet kriminali mibdija kontra lettur tal-Università u l-istudenti fil-każ relatat mal-Freehour. Il-Forum qed iħeġġeġ lill-awtoritajiet jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ dawk involuti u jipproteġu l-integrità tal-proċess edukattiv.

Il-każ inkwistjoni jinvolvi grupp ta’ studenti u l-lettur tagħhom fejn l-attivitajiet edukattivi tagħhom ġew interpretati b’mod inġust bħala attakk fuq l-internet, li wassal għal akkużi kriminali. Filwaqt li l-F.O.R.U.M. jirrikonoxxi li l-kwistjoni bħalissa qiegħda taħt reviżjoni ġudizzjarja, tenfasizza l-fatt li proċess edukattiv imwettaq f’konformità mal-istandards etiċi m’għandux jitqies bħala attakk fuq l-internet u fuq organizzazzjoni.

Din is-sitwazzjoni toħloq theddida serja għall-proċess edukattiv, li huwa essenzjali għat-taħriġ tal-istudenti biex jużaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom relatati mal-kompjuter, għall-benefiċċju tal-komunità kif ukoll tal-organizzazzjonijiet li jservu.

Il-Forum jappella lill-awtoritajiet rilevanti biex jipproteġu l-individwi affettwati kollha u biex jiżguraw li tinżamm l-integrità edukattiva.

Barra minn hekk, il-Forum tal-Unions Maltin jinnotta l-fatt inkwetanti li dawn l-istudenti għadhom iridu jibdew il-karriera professjonali tagħhom, dan hekk kif minflok ma jiġu mħeġġa u mħarrġa sew bħala esperti futuri tas-cyber-security, qed jiġu suġġetti għal prosekuzzjoni kriminali, li joħolqu tbatija bla bżonn f’tali punt kritiku fl-istudji tagħhom. L-involviment tal-istat f’dan il-każ iżid biss mal-ostilità li jiffaċċjaw dawn il-professjonisti żgħażagħ, li qed jippruvaw sempliċement jiżviluppaw ħiliet u għarfien fuq dan il-qasam kruċjali.