Lokali

Il-Kamra tal-Avukati wkoll b’dubji kbar dwar id-direttivi l-ġodda ta’ Identità

Direttiva biex l-avukati ma jiffirmaw l-ebda formola b'rabta ma' dan

Il-Kamra tal-Avukati ħarġet stqarrija tisħaqq li għandha dubji kbar dwar id-direttivi l-ġodda maħruġa mill-Aġenzija Identità fejn wieħed huwa obbligat li jieħu formola ffirmata minn professjonist għar-reġistrazzjoni ta’ kirjiet.

Dan kollu seħħ wara li ġie żvelat l-iskandlu ta’ Identità fejn permezz ta’ racket, allegatament, kienu qed jinħarġu karti tal-identità foloz minn uffiċjali ta’ Identità stess.

Dwar dawn id-direttivi, il-Kunsill Nutarili ħareġ direttiva b’effett immedjat sabiex il-korp tan-nutara la jiffirma u lanqas jimla’ l-formola ġdida għar-reġistrazzjoni ta’ kirjiet kif maħruġa minn Identità – b’referenza għall-formola ġdida b’rabta ma’ persuni ġejjin minn pajjiżi terzi. Dan filwaqt li l-Kunsill saħaq li għandha dejjem tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, li tagħha n-nutar huwa garantit.

Fl-aħħar jiem kienet ħarġet ukoll direttiva oħra fis-settur tas-saħħa sabiex it-tobba jivverifikaw li l-pazjent li qed jaraw huwa verament il-persuna li qed jgħidu li huma. Bil-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, Martin Balzan, saħaq ma’ Net News li t-tobba ma jistgħux joqogħdu jagħmluha ta’ Sherlock Holmes biex jivverifikaw dan qabel jeżaminaw u jagħtu l-kura lill-pazjenti.

Il-Kamra tal-Avukati qalet li huma ma ġewx mgħarrfa dwar dan it-tibdil f’Identità tant li lanqas biss ġew ikkonsultati. L-istess bħall-Kunsill Nutarili, il-Kamra tal-Avukati ħarġet direttiva sabiex l-avukati ma jimlew u lanqas jiffirmaw l-ebda formola b’rabta ma’ dan.