Lokali

Il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex jilqa’ numru ta’ żgħażagħ Ukreni għal kamp tas-sajf

10 żgħażagħ Ukreni u l-akkompjantriċi tagħhom li ġejjin minn qrib ir-reġjun biswit il-fruntiera Russa, qattgħu sebat ijiem fil-gżira Għawdxija.

F’din iż-żjara saru diversi avvenimenti organizzati mill-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, flimkien ma’ diversi Kunsilli Lokali Għawdxin u entitajiet lokali oħra għat-tieni darba konsekuttiva.

Matul dawn l-avvenimenti, żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-14-il sena attendew numru ta’ attivitajiet f’Għawdex, fosthom attivitajiet fiżiċi bħal watersports, dawra biż-żwiemel, u mixja ma’ alcapas għal attivitajiet soċjali bħal logħob ma’ żgħażagħ lokali. Iż-żgħażagħ Ukreni żaru wkoll diversi lokalitajiet Għawdxin fejn kellhom togħma tal-ħajja u l-kultura Għawdxija, u anke tal-ikel tradizzjonali.

Diversi Kunsilli Lokali ħadu sehem li nkludew ir-Rabat Għawdex, il-Fontana, Għajnsielem, l-Għasri, il-Munxar, in-Nadur, San Lawrenz u ż-Żebbuġ. Dan filwaqt li entitajiet bħall-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, in-Nadur Teen & Youth Centre, KiP Gozo Ltd, Aġenzija Żgħażagħ Gozo u Rexy Restaurant Gozo organizzaw diversi avvenimenti għal dawn iż-żagħżagħ Ukreni.

Il-President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, Samuel Azzopardi qal li “għat-tieni sena konsekuttiva, il-
Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex iddeċieda li jospita u jilqa’ grupp ieħor ta’ studenti minn bliet
Ukreni milquta mill-gwerra. Dan sabiex nuru solidarjetà u noffru serħan liż-żgħażagħ tal-Ukrajna
mill-ħruxija tal-gwerra li għadha għaddejja fuq art Ewropea. Kontribut ċkejken lejn il-qagħda mwiegħra li għaddej minnha l-poplu Ukren”.

Azzopardi kompla jgħid li “sinċerament nittamaw li dan il-kontribut żgħir mir-Reġjun ta’ Għawdex jgħin biex televa u ssaħħaħ id-determinazzjoni tal-poplu Ukren li jassigura s-sovranità ta’ pajjiżu”, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-għaqdiet li kkoperaw u l-Kunsilli Lokali talli kkontribwew għal dan il-proġett solidali tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex.

L-idea wara din l-inizjattiva kienet biex ittaffi ftit mill-kruha u t-tensjoni tal-gwerra li qegħdin jesperjenzaw dawn iż-żgħażagħ. Barra minn hekk, dawn iż-żgħażagħ kellhom l-opportunità li jiskopru mill-ġdid in-normalità, filwaqt li jrawmu sens imġedded ta’ appartenza fi ħdan il-komunità Ewropea.

Intant, il-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex u diversi Kunsilli Lokali Għawdxin esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Assoċjazzjoni tal-Bliet Ukreni li permezz tagħhom segħtet issir din l-inizjattiva, u li ħalliet l-impatt mixtieq.