Id-Direttur ta’ Vitals, Ram Tumuluri, qed jallega li l-Kap Eżekuttiv ta’ Steward, Ralph de la Torre, kien ixaħħam lil uffiċjali tal-Gvern Malti billi jgħid li seta’ jagħti boroż mimlijin flus sabiex jakkwista vantaġġ f’pajjiżna.
Dan qed tirrapportah il-midja Amerikana, CBS News, fejn qalet li Tumuluri huwa l-whistleblower sabiex jikxef din l-informazzjoni b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet Maltin.
Tumuluri qed jallega mal-Kungress Amerikan, li de la Torre kien jiftaħar li huwa jista’ jagħti ammonti kbar ta’ flus sabiex jasal biex jagħlaq it-transazzjonijiet.
Kelliem għal de la Torre qal li dawn l-akkużi huma bla bażi tant li m’hemmx evidenza ta’ dan kollu.
Ta’ min wieħed ifakkar li l-Gvern Laburista ta lill-barranin – jiġifieri lil Vitals u Steward – mal-€400 miljun minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi. U meta l-Partit Nazzjonalista fetaħ proċeduri sabiex jinġiebu lura dawn il-flus, il-Labour għażel li jaqsam il-kamra tal-Qorti sabiex jassigura li dawn il-flus ma jingħatawx lura lill-Maltin u l-Għawdxin.
Fl-aħħar jiem sar magħruf li Steward Health Care kienu ffirmaw ftehim biex il-kumpanija Accutor tirċievi 30% tad-dividends tal-istess Steward Malta – ċioè mill-profitti li kienet qed tagħmel il-kumpanija f’pajjiżna.
F’kelma oħra, filwaqt li kulħadd spiċċa jixxaħħam f’dan is-settur u jaħtaf kemm jiflaħ flus, il-poplu Malti u Għawdxi ħa biss sptarijiet li spiċċaw għarkupptejhom tant li l-Isptar Mater Dei mhux ilaħħaq mad-domanda, San Luqa jinsab fl-agħar sitwazzjoni possibbli, u l-Għawdxin bla ebda investiment fl-Isptar Għawdxi.
//= $special ?>