Tbissima.
Kienet din ir-reazzjoni tal-Ministru Michael Falzon meta mistoqsi min se jġorr responsabbiltà politika għall-qtil ta’ Nicolette Ghirxi f’nofs ix-xahar li għadda.
Fl-aħħar jiem, il-familja ta’ Ghirxi talbet għal inkjetsa tassew ħolistika li tanaliżża n-nuqqasijiet li hemm fil-liġi kif ukoll fis-sistema. Bil-qraba ta’ Nicolette Ghirxi jitolbu ukoll li l-Inkjesta Indipendenti tinvestiga l-fatti kollha kif seħħet – fosthom l-operat tal-Korp tal-Pulizija u anke l-aspett politiku u leġiżlattiv.
Però, il-Ministru Michael Falzon – li hu stess fetaħ inkjesta indipendenti minflok il-Prim Ministru – qed jibqa’ jsabbat saqajħ u jinsisti li din l-inkjesta hija biżżejjed.
Mistoqsi minn dan l-istazzjon jekk din l-inkjesta hux se tkun qed tinvestiga l-Korp tal-Pulizija, Falzon qal li l-Korp se jkun qed jiġi investigat minn investigazzjoni oħra tal-Police Board – minkejja li t-talba tal-familja Ghirxi kienet waħda ċara.
Il-Partit Nazzjonalista minn naħa tiegħu qed jaqbel mal-familja Ghirxi u qed jinsisti li minnufih issir inkjesta ħolistika għax b’hekk biss jista’ jiġi determinat jekk l-istat wettaqx l-obbligi tiegħu jew le.
//= $special ?>