Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jiżvela aktar informazzjoni ma’ dak ippubblikat mill-ġurnalisti llum

Wara l-aħbar li ħarġet minn The Times of Malta dalgħodu dwar numru ta’ persuni rreġistrati b’karti tal-identità fuq propjetajiet diversi, il-Partit Nazzjonalista jikkonferma li għandu fil-pussess tiegħu dawn l-ismijiet u d-dettalji ta’ dawn l-indirizzi u għalhekk, jikkonferma l-istorja ppubblikata minn The Times of Malta u aktar.

Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott, f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li fil-lista ta’ dettalji, il-Partit Nazzjonalista għandu f’idejh informazzjoni li turi:

  • 25 persuna rreġistrata fuq Janique House, Triq Marsalforn, Xagħra Għawdex;
  • 19-il persuna fuq Flat 1, Agius Buildings, Triq Qasam, Rabat Għawdex;
  • 26 persuna fuq Flat 2, Agius Buildings, Triq Qasam, Rabat Għawdex;
  • 33 persuna fuq Flat 1, Agius Court, Triq Qasam, Rabat Għawdex;
  • 16-il persuna fuq Flat 3, Agius Court, Triq Qasam, Rabat Għawdex;
  • 20 persuna fuq Il-Merill, Flat 4, Triq il-Gajdoru, Xagħra, Għawdex.

Hu impossibbli li fuq propjetà waħda jkollok dawn il-persuni kollha rreġistrati bħala residenti f’dawn il-postijiet. Allegatament, din hi parti minn dak li nafu dwar l-iskandlu li ħakem l-aġenzija Identità.

Din l-informazzjoni se tkun qed tinżamm u tifforma parti mill-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-iskandlu tal-karti tal-identità.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar fl-eżerċizzju li qed jagħmel ta’ ġbir ta’ informazzjoni b’kunfidenzjalità stretta u jerġa’ jagħmel appell biex tintbagħat kwalunkwe informazzjoni fuq pnsupport@pn.org.mt flimkien ma’ kwalunkwe dokument li persuna jkollha fil-pussess tagħha u li jista’ jgħin.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll li bħalissa hemm talba għall-investigazzjoni quddiem l-Awditur Ġenerali, li saret mit-tliet membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontjiet Pubbliċi, kif ukoll Inkjesta Maġisterjali dwar l-iskandlu tal-aġenzija Identità, li nbdiet mill-Avukat Jason Azzopardi.

Fl-istess waqt, jixtieq jirringrazzja lil kull persuna li diġà bagħtet informazzjoni lill-Partit Nazzjonalista dwar dan.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar ukoll lill-Ministru Byron Camilleri – li sparixxa – dwar it-tliet proposti li għamel u li ilhom żmien li saru pubblikament:

  1. Li tinħoloq sistema fejn is-sidien tal-proprjetà jkollhom id-dritt ikunu jafu kemm-il persuna u min huma l-persuni rreġistrati li joqogħdu fil-proprjetà tagħhom;
  2. Li jippubblikaw l-investigazzjoni interna li qalu li għamlu dwar dan l-iskandlu, jekk verament saret, kif qalu;
  3. Ir-riżenja ta’ Byron Camilleri minn Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol.