Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet is-Summit tal-Ispeakers tal-G7 li qiegħed isir f’Verona, b’indirizz lill-Ispeakers tal-pajjiżi tal-G7 kif ukoll l-Ispeaker tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna Ruslan Stefanchuk.
Fl-indirizz tagħha waqt is-sessjoni tal-inawgurazzjoni tal-laqgħa tal-Ispeakers li jiffurmaw parti mill-G7, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza ta’ front magħqud biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed taffaċċja d-dinja bħalissa.
L-MEP Maltija, hi u titkellem f’isem il-Parlament Ewropew, enfasizzat li d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet kollha li jieħu l-Parlament li tmexxi u l-Parlamenti l-oħra kollha għandhom dejjem jirriflettu l-interessi tan-nies.
Hi u tagħmel referenza għas-sigurtà, il-President Metsola qalet li tensjonijiet ġodda u kunflitti li għaddejjin qed iħallu impatt fuq il-provista ta’ prodotti essenzjali.
Waqt is-summit, il-President Metsola ltaqgħet fost l-oħrajn, mal-Ispeaker tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna Ruslan Stefanchuk, mal-President tal-Kamra tad-Deputati tal-Italja Lorenzo Fontana, mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti Mike Johnson, mal-Ispeaker tal-House of Commons tal-Kanada Greg Fergus, mal-President tal-Bundestag tal-Ġermanja Bärbel Bas, mal-President tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza Yaël Braun-Pivet, mal-Ispeaker tal-House of Commons tar-Renju Unit Sir Lindsay Hoyle, u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Ġappun Fukushiro Nukaga.
//= $special ?>