Internazzjonali

Is-sajf 2024: Ikomplu jinkisru r-rekords tas-sħana fuq livell globali

L-istaġun tas-sajf attwali hu l-aktar wieħed li qatt irreġistra sħana fl-istorja tad-dinja – dejjem skont l-istatistika provduta mill-esperti ma’ Copernicus, l-entità tal-Unjoni Ewropea nkarigata mill-moniteraġġ tal-bidliet fil-klima.

Dan il-fenomenu ħalla impatt partikulari fl-Ewropa, u meta t-temperaturi madwar il-kontinent qabżu l-medja reġistrata għall-istaġuni tas-sajf bejn is-snin 1991 u l-2000. Is-sħana reġistrata minn Ġunju ‘l hawn, fil-fatt, kienet ta’ 1.54 grad Celsius ogħla minn ta’ dak il-perjodu u meta anki nkiser ir-rekord preċedenti tas-sħana mill-2022 ‘il hawn.

Ix-xahar ta’ Awwissu kien anki t-tlettax-il xahar, f’perjodu ta’ erbatax-il xahar, fejn il-medja tat-temperaturi globali qabżet il-livelli tas-sħana ta’ qabel l-era industrijali b’xejn anqas minn 1.5 gradi Celsius.

Il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, f’xi żmien jew ieħor, kellhom jilqgħu għall-effetti ta’ din is-sħana straordinarja filwaqt li fir-Renju Unit, għall-kuntrarju, kienu reġistrati l-aktar temperaturi baxxi għas-sajf mill-2015 ‘il hawn.

Intant, il-medja tat-temperaturi globali, sa dan iż-żmien tas-sena, hi reġistrata sa 0.7 gradi Celsius ogħla mill-medja ta’ bejn is-snin 1991 u l-2020 – u li l-esperti qablu huwa livell storiku għad-dinja.

Dan, fih innifsu, iżid il-probabbiltà li l-2024 se tkun ukoll l-aktar sena sħuna fiż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords.

Kien biss matul is-sena li għaddiet li l-medja tat-temperaturi madwar id-dinja laħqu għoli rekord – u meta ta’ spiss, din is-sena, spikkaw il-heatwaves u elementi estremi oħrajn tat-temp li ħallew impatt sinifikanti għall-ħajja ta’ kuljum.

Il-Viċi Direttur ta’ Copernicus, Samantha Burgess, sadanittant qalet li d-dinja għandha tipprepara għal aktar rekords ta’ dan it-tip fil-futur, fost it-twissija li ‘l-elementi estremi relatati mat-temp li qegħdin naraw bħalissa għandhom iżidu fl-intensità fis-snin li ġejjin.’

Intant, numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom l-Awstrija u Spanja, ikkonfermaw l-aktar sajf sħun fl-esperjenza tal-poplu. Fl-istess ħin, is-sħana fil-Finlandja matul is-sajf laħqet ir-rekord stabbilit matul is-snin preċedenti waqt li t-temperaturi fl-Iżvizzera kienu ‘t-tieni l-aktar għoljin’ qatt irreġistrati.

Għalkemm l-eqqel tas-sħana konċentra l-aktar fuq ir-reġjuni tan-nofsinar u l-lvant tal-Ewropa, il-kurrenti tal-arja kienu anqas intensivi għar-Repubblika Irlandiża, iz-zoni lejn il-punent tal-Portugall, l-Iżlanda u n-naħat t’isfel fin-Norveġja.