Internazzjonali

Kenja: Diversi studenti jmutu u jindarbu waqt in-nirien fi skola

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni fil-Kenja fl-aħħar sigħat ikkonferma li mietu tal-anqas 17-il student kaġun ta’ nirien li ħakmu dormitorju tas-subien fl-iskola primarja ta’ Hillside Endarasha, fid-distrett ta’ Nyeri.

Il-President Kenjan, William Ruto, fisser l-inċident bħala wieħed ‘terribbli u devastanti għall-komunità partikulari’ – bis-servizzi għall-emerġenzi ma jeskludux żieda fl-ammont tal-vittmi, waqt li għaddejja tfittxija għal xi studenti rappurtati nieqsa.

L-awtoritajiet Kenjani qalu wkoll li numru ta’ midruba fin-nirien jinsabu rikoverati f’diversi sptarijiet tar-reġjun li jinsab fiċ-ċentru tal-pajjiż.

Sadanittant, xi osservaturi esprimew dubji dwar kemm ir-regoli tas-sigurtà kienu qed ikunu osservati u meta kien hemm aktar minn 150 student alloġġjati fid-dormitorju, fil-ħin meta qabdu n-nirien.

Madwar 850 student – maqsumin bejn subien u bniet – jattendu l-iskola primarja ta’ Hillside Endarasha u meta ftit akar minn 300 student huma boarders (iġiifieri residenti tal-kumpless).

Il-kawża tan-nirien għadha taħt investigazzjoni u meta l-impenji ta’ emerġenza fl-iskola kienu qed imexxuhom l-iskwadri għat-tifi tan-nirien, megħjuna mir-residenti tal-lokalità.