Iż-żewġ Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija qed jitolbu lill-Qorti tieħu azzjoni dwar art pubblika li, minflok għal skop sportiv, qed tintuża bħala parkeġġ għall-karozzi tal-kiri. Liam Sciberras u Connie Debattista ressqu l-protest ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u qalu li art ta’ Santa Luċija FC fdata lilha mingħand SportMalta qed tintuża bħala parkeġġ mill-kumpanija ‘Sicily by Car’, kumpanija oħra marbuta ma’ Christian Borg, li huwa ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela.
Liam Sciberras kien akkuża lis-Sindku Laburista Charmaine St John li rrifjutat li tipprovdi informazzjoni importanti dwar laqgħa bejnha u bejn it-tmexxija tat-tim tal-futbol tal-lokal. Sciberras sostna li ladarba s-Sindku użat il-binja tal-Kunsill għal din il-laqgħa, hija obbligata tagħti rendikont ta’ dak li jintqal dwar il-laqgħa.
Il-protest ġudizzjarju sar kontra Santa Lucia FC u l-kumpanija Princess Operation Limited, li bħal kumpanija No Deposit Cars hija mmexxija minn Chrstian Borg li għandu ħafna każijiet pendenti fil-Qorti. Sciberras u Debattista qalu li l-ftehim bejn SportMalta u l-club tal-football ilu ffirmat minn Frar 2013 u li l-ftehim jgħid li l-klabb ma jistax jittrasferixxi jew jassenja din l-art lil terzi persuni.
Il-Kunsilliera tal-PN qalu li l-klabb kiser dan il-ftehim meta kera l-art lil kumpanija Princess Operation Limited, li hija ta’ Borg. “Il-konċessjoni msemmija saret mingħajr trasparenza, fil-mistur u mingħajr ebda forma ta’ informazzjoni pubblika u għalhekk dan sar abbużivament, illegalment u mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ SportMalta”, ikompla jgħid il-protest.
Għaldaqstant, huma qed jitolbu għat-terminazzjoni tal-kuntratt bejn SportMalta u l-club tal-futbol Santa Lucia FC sabiex l-art terġa’ tintuża biss għal skop sportiv.
L-avukat Nicolai Bugeja ffirma l-protest ġudizzjarju.
//= $special ?>