Lokali

L-IĠM jieħu f’idejh il-presidenza tal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċentri tal-Istampa

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ħa f’idejh il-presidenza tal-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċentri tal-Istampa (European Federation of Press Clubs, EFPC).

Din hija l-ewwel darba f’35 sena storja li l-IĠM qed imexxi istituzzjoni ġurnalistika Ewropea.

Il-presidenza għaddiet b’mod uffiċjali miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Istampa ta’ Galizia għall-IĠM matul il-laqgħa ġenerali annwali tal-EFPC li nżammet f’Malta.

F’din il-laqgħa, l-IĠM ħa f’idejh il-presidenza għat-12-il xahar li ġejjin. Preżenti f’Malta hawn rappreżentanti ta’ 14-il ċentru tal-istampa Ewropej.

Id-delegazzjoni għamlet żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fil-Palazz ta’ San Anton il-ġimgħa filgħodu, fejn kien diskuss l-importanza tal-ġurnaliżmu.

Malta ntgħażlet biex tieħu f’idejha l-presidenza għas-sena li ġejja fl-aħħar laqgħa li nżammet f’Santiago de Compostela b’turija ta’ appoġġ għall-ħidma tal-IĠM biex ittejjeb il-libertà tal-midja f’Malta wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Huwa ta’ unur li Malta ntgħażlet bħala s-sede tal-EFPC. Din hi wkoll okkażjoni prestiġjuża għall-IĠM li jippresiedi fuq istituzzjoni ġurnalistika Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu. Timlina kuraġġ biex inkomplu naħdmu għall-bidla fil-qasam ġurnalistiku u għal iżjed rispett lejn il-ġurnalisti u l-professjoni,” qal Matthew Xuereb, il-President tal-IĠM u l-EFPC.

Il-laqgħa ġenerali annwali tal-EFPC inżammet fid-Drawing Room ġdida fl-uffiċċiji ewlenin ta’ Attard and Co. fil-Marsa. Din id-Drawing Room tiġbor fiha kollezzjoni kbira ta’ gazzetti antiki Maltin li jmorru lura sal-bidu tal-1900. Il-laqgħa ġenerali kellha l-appoġġ ta’ VisitMalta, eCabs u Attard and Co..

L-EFPC twaqqaf fl-1989 mill-Press Club de France biex ikattar id-djalogu, il-kollaborazzjoni u l-bdil ta’ esperjenza bejn ċentri tal-istampa u assoċjazzjonijiet internazzjonali tal-ġurnaliżmu u biex jiddefendi l-libertà tal-midja.