Internazzjonali

L-Ukrajna: Zelensky irid juża l-armamenti ‘tal-Punent’ għall-attakki fuq il-qalba tar-Russja

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, mill-ġdid talab l-awtorizzazzjoni mingħand l-Alleati tal-Punent biex il-missili mogħtija minnhom lill-qawwiet Ukreni jintużaw kontra l-miri speċifiċi ‘fil-qalba proprja tar-Russja’.

Zelensky jemmen li l-kapaċità biex jolqot lill-interessi strateġiċi tal-Kremlin ħafna ‘il bogħod mill-fruntiera Ukrena għandha tgħin lejn il-konklużjoni tal-gwerra mar-Russja li ilha minn Frar tal-2022,.

Sadanittant, ir-Renju Unit għandu jibgħat aktar mijiet ta’ missili għal fuq distanzi qosra lill-Ukrajna.

U ftit wara din l-aħbar, Zelensky kompla jinsisti biex il-Punent ma jżommx lura mill-appoġġ militari lil pajjiżu….Appell li spikka waqt il-bidu ta’ summit dwar id-difiża organizzata fil-bażi tal-ajru ta’ Ramstein, fil-Ġermanja.

Waqt dan is-summit, is-Segretarju tad-Difiża Britanniku,  John Healey , ikkonferma l-pakkett għall-għajnuna militari ekwivalenti għal aktar minn 170 miljun ewro u li jiggarantixxi li r-Renju Unit se jipprovdi lill-Ukreni b’madwar 650 missila tat-tip Lightweight Multirole (LMM).

Il-President Ukren sostna li s-sitwazzjoni saret ferm delikata fir-reġjun ta’ Donetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, u fejn is-suldati tiegħu qed jiffaċċjaw l-attakki kontinwi tal-militar Russu. Hu spġjega li f’dawn iċ-ċirkustanzi s-suldati Ukreni jeħtieġu aktar għajnuna militari ‘illum qabel għada’ biex huma jiddefendu aħjar il-pożizzjonijiet tagħhom.