Lokali

Mark Sammut se jirriżenja mit-tmexxija tal-PBS

Net News jinsab f’pożizzjoni li jikkonferma li Mark Sammut se jirriżenja minn Chairperson tal-PBS.

Sorsi mill-qalba tax-Xandir Pubbliku kkonfermaw magħna li Sammut se jwarrab, u l-Gvern diġà għandu pjan imħejji bizzilla dwar min għandu jeħodlu postu.

Fil-fatt, nies minn Kastilja qed jgħidu li l-Kummissarju tal-Films Johann Grech huwa l-aktar wieħed li qed jissemma’ bħala “favorit” għat-tmexxija tal-PBS. Din l-għażla tkun qed issolvi żewġ problemi għall-Prim Ministru Robert Abela: għaliex filwaqt li jkun qed jipprova juri li se jbiddel il-mod kif topera l-Kummissjoni tal-Films, qed ipoġġi fil-PBS xi ħadd li jista’ jafdah mija fil-mija.

Anzi, is-sorsi tagħna qed jgħidulna li Grech ikun il-persuna ideali sabiex jimbotta ‘l quddiem l-aġenda ta’ Robert Abela.

Il-PBS issa ilu xhur sħaħ mifni b’diversi problemi u ambjent ta’ dwejjaq kbar fost il-ħaddiema, li qed jaraw biss lil dawk tal-qalba jiġu aġevolati. Tant li matul il-ġimgħat li għaddew rajna lista twila ta’ riżenji mix-Xandir Pubbliku, speċjalment mill-Kamra tal-Aħbarijiet.