Lokali

“Sitt snin tard u €10 miljun aktar” – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar pożittiva li finalment l-Iskola Primarja tal-Imsida tlestiet u se tibda tilqa’ fiha lill-istudenti u lill-għalliema minn din is-sena skolastika, li se tiftaħ ftit ġimgħat oħra.

Filwaqt li l-politika tal-Partit Nazzjonalista kienet dejjem konsistenti bil-fatti – dik li jiftaħ Skola ġdida kull sena – il-Gvern ta’ Robert Abela ppospona għal sitt snin biex lesta kompletament din l-Iskola b’over budget ta’ aktar minn €10 miljun minn dak previst lura għall-2017, meta tħabbar li se tinbena l-Iskola fl-Imsida, flejjes li setgħu ġew investiti fis-sistema edukattiva.

Justin Schembri, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, qal fi stqarrija li hu inkoraġġanti li din l-Iskola hi carbon-neutral, għandha librerija pubblika, sala u spazju rikreattiv għat-tfal li se jattendu fiha, bil-Partit Nazzjonalista jinsisti li din għandha tkun il-prassi għall-Iskejjel Maltin. Filwaqt li juri s-sodisfazzjon tiegħu li wara sitt snin it-tfal Misidjani flimkien mal-għalliema u l-edukaturi tagħhom se jibdew is-sena skolastika fl-Iskola l-ġdida tagħhom, il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-Gvern jieħu bl-akbar serjetà l-investiment immedjat li għandhom bżonn diversi Skejjel madwar Malta u Għawdex, fosthom dawk f’Ħal Qormi u f’Birkirkara.

Il-Partit Nazzjonalista hu kommess li jkompli jsaħħaħ il-politika tiegħu, li jibni aktar Skejjel moderni u attrezzatti għad-dinja tal-lum, iżda wkoll jimpenja ruħu biex ivara pjan ta’ manutenzjoni u tiġdid lill-Iskejjel kollha f’Malta u f’Għawdex biex it-tfal u l-għalliema tagħna jkollhom ambjent modern u li jilqa’ għall-bżonnijiet tal-edukazzjoni tal-lum.