Il-qawwiet Iżraeljani rtiraw minn Jenin u l-kamp għar-refuġjati ta’ din il-belt fix-Xatt tal-Punent – lokalitajiet li fl-aħħar ġranet kienu suġġetti għall-akbar azzjoni militari f’diversi snin minn Iżrael u li damet għal disat ijiem konsekuttivi.
It-truppi Iżraeljani f’dawn il-jiem ikkonċentraw fuq dawn iz-zoni bl-iskop li jeqirdu l-fortizzi tal-militanti u terroristi Palestinjani – u meta fl-istess zoni hemm anki popolazzjoni ċivili ta’ madwar 60,000.
Iżrael, sadanittant, kompla jgħid li l-kampanja militari fix-Xatt tal-Punent kienet intiża biex tinqered theddida terroristika fl-inħawi li, fi kliem il-militar, ‘kienet qed tikber minn jum għall-ieħor’.
Fl-istess ħin, il-Ministeru tas-Saħħa Palestinjan qal li f’din il-kampanja nqatlu tal-anqas 40 Palestinjani – u li aktar min-nofshom tilfu ħajjithom waqt il-battalji mat-truppi f’Jenin. Filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-maqtula kienu ġellieda mal-gruppi militanti lokali, il-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent li qed jinsistu li nqatlu wkoll it-tfal waqt l-azzjonijiet tal-Iżraeljani.
Mifhum li tal-anqas suldat Iżraeljan ukoll tilef ħajtu waqt l-aħħar battalji f’Jenin u sakemm il-militar iddeċieda li jirtira mill-inħawi.
F’dawn il-jiem spikkaw anki r-rejds tal-Iżraeljani fuq il-belt ta’ Tubas u l-kamp ta’ al-Faraa għar-refuġjati li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tax-Xatt tal-Punent. Ir-rejds kellhom l-istess intensità daqs l-azzjonijiet militari li Iżrael qed imexxi bħalissa kontra t-terroristi tal-Ħamas f’Gaza.
Mijiet ta’ truppi ma’ diversi fergħat tal-qawwiet Iżraeljani ħadu sehem fil-battalji tal-aħħar jiem fix-Xatt tal-Punent u li bdew fis-27 ta’ Awwissu. F’din is-sitwazzjoni, iċ-ċivili kienu kostretti li jibqgħu f’darhom biex ma jinqabdux fil-ġlied kontinwu bejn is-suldati u l-militanti Palestinjani – u bil-qawwiet tal-ajru Iżreljani wkoll jattakkaw liz-zoni speċifiċi ta’ Jenin indikati bħala ‘moħbiet għat-terroristi’.
//= $special ?>