L-intervent ta’ xufier ta’ taxi li ma ssemmiex fil-Qorti, jidher li salva mara minn attakk vjolenti minn taħt idejn l-eks għarus tagħha. Raġeel residenti l-Imsida, Santosh Bhandari ta’ 31 sena, chef mill-Punjab, l-Indja, tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia, il-Ġimgħa, akkużat li intimida, insulenta u kkaġuna ġrieħi ħfief lill-eks tfajla tiegħu.
L-Ispettur Audrey Micallef, li qed tmexxi l-prosekuzzjoni, qalet lill-Qorti li t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija kienet irċeviet rapport mingħand il-vittma fl-4 ta’ Settembru. Il-mara kienet qalet lill-Pulizija li r-relazzjoni ta’ tliet snin tagħhom kienet intemmet 18-il xahar ilu, iżda r-raġel xorta ried jikkontrollaha.
L-eks koppja taħdem fl-istess post u għadha tgħix taħt l-istess saqaf, flimkien ma’ tnejn mill-ħbieb irġiel tal-akkużat, hija qalet. “Kull meta kien jaraha tibgħat messaġġi lil irġiel oħra fuq il-mowbajl tagħha, kien jgħidilha biex iżżomm f’moħħha li hija ‘għadha tiegħu’ u jheddidha li jkeċċiha kemm mill-flat kif ukoll mill-post tax-xogħol,” spjegat l-ispettur.
Bhandari kien ilu jixrob ħafna fil-lejl tal-inċident inkwistjoni, u malli ra lill-mara tuża l-mowbajl tagħha, kien qabadha minn spallejha t-tnejn u beda jheżżiżha b’mod vjolenti, u qalilha li kienet “tiegħu u tiegħu biss” u li ma kienx se jħalliha aktar tkellem lil xi ħadd ieħor qatt.
Ftit wara dan, l-imputat qabad taxi u insista li l-vittma tirkeb miegħu. Minkejja ċ-ċaħdiet tagħha, il-mara spiċċat taċċetta. Meta t-taxi waslet fil-flat, wara li ħarġu mill-vettura, l-imputat reġa’ qabad lill-mara minn spallejha u heżżiżha b’mod vjolenti. Malli ra dan, ix-xufier niżel mit-taxi tiegħu biex jgħin lill-mara, u spiċċa biex żamm lill-akkużat sakemm waslu l-Pulizija.
Waqt li l-uffiċjali tal-Pulizija kienu hemm, ċemplu lill-Ispettur Micallef, li semgħet lir-raġel fl-isfond jgħid lill-mara diversi drabi “Se noqtlok. Illum se noqtlok.” L-uffiċjali tagħha rrappurtaw ukoll li kellu riħa qawwija ta’ alkoħol.
Wara li aċċertat li ma kellhomx bżonn backup, l-ispettur ordnat lill-uffiċjali biex jieħdu lil Bhandari l-għassa tal-Belt Valletta, fejn inżamm fil-lockup wara li rrifjuta l-assistenza medika. Bhandari inizjalment wieġeb ħati għall-akkużi waqt li tressaq il-Ġimgħa wara nofsinhar.
Il-Qorti infurmatu li jista’ jeħel sa ħames snin ħabs flimkien ma’ multa sa €15,000 u tatu diversi minuti biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, Alexia Vassallo. Meta indirizza lill-Qorti bl-assistenza ta’ żewġ interpreti, ir-raġel imbagħad irtira l-ammissjoni tiegħu tal-ħtija u minflok wieġeb mhux ħati. Il-libertà proviżorja ma ġietx mitluba.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet milll-Ispettur Audrey Micallef. L-Avukat Alexia Vassallo assistiet lill-imputat.
//= $special ?>