Żagħżugħ mill-Mellieħa nżamm arrestat il-Ġimgħa, akkużat bi traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus, bl-avukat tiegħu jsejjaħ għal faċilità speċjalizzata għad-detenzjoni u t-trattament għal min jabbuża minn sustanzi. Jordan Gafá ta’ 21 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia akkużat li kellu fil-pussess tiegħu ħaxixa u reżina tal-cannabis, kif ukoll pilloli ecstasy, f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinux biss għall-konsum personali tiegħu. Gafá kien akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus li ġejjin minn attività kriminali.
L-Ispettur Mercieca qal lill-Qorti li l-karozza tal-imputat kienet twaqqfet minn uffiċjali tal-RIU u tal-Iskwadra tad-Droga fil-Mellieħa, fuq suspett li kellu l-armi fiha. Fil-vettura ma nstabu l-ebda armi, iżda l-Pulizija skoprew madwar 100 gramma cannabis.
Fi tfittxija li saret fir-residenza tiegħu wara l-arrest, il-Pulizija sabet 200 gramma oħra cannabis kif ukoll imwieżen diġitali, li l-imputat sostna li kienu għall-użu personali tiegħu. Is-suspettat ġie skortat lejn appartament ieħor fil-Mellieħa, fejn wara li l-Pulizija kissru l-bieb, Gafá talab lill-uffiċjali biex ma jittejżjawx liż-żewġt iklieb tar-razza American Bully li kienu ġewwa, fejn is-suspettat qal li dawn kienu tiegħu.
Il-Pulizija sabet madwar tliet kilogrammi ta’ droga fl-appartament, qal l-ispettur. “Kien hemm cannabis kull fejn tħares. Basktijiet fuq il-bank, ħdejn it-TV u fuq il-mejda tal-kċina.” Fil-friġġ instabu numru ta’ pilloli ecstasy li ma dehrux li kienu għall-użu personali, qal l-Ispettur.
Fil-post instabu wkoll imwieżen diġitali u kaxxa tal-kartun mimlija boroż issiġillati b’sustanza ħadra, kif ukoll madwar €50,000 fi flus kontanti. Gafá, li qal lill-Qorti li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati u talab il-ħelsien mill-arrest.
L-Ispettur Merceica oġġezzjona għat-talba, u qal lill-Qorti li r-raġel kellu “problema akuta tad-droga” li setgħet tpoġġieh f’aktar inkwiet. L-ispettur irrimarka wkoll li minkejja l-età relattivament żgħira tal-imputat, huwa kien irnexxielu jkun involut f’reat ta’ dan il-kobor.
Iċ-ċirkostanzi li rriżultaw fl-arrest ta’ Gafá, kienu “ftit mhux tas-soltu,” żied l-ispettur. “Is-suspettat ġie osservat li kien segwit madwar il-karozza tiegħu minn persuna oħra li hija magħrufa wkoll sew mal-Pulizija,”, u żied li l-investigaturi għadhom bħalissa qed jippruvaw jistabbilixxu x’kien qed jiġri u li l-persuna li ssegwi lis-suspettat għadha trid jiġi interrogat mill-Pulizija.
Ostaklu ieħor għall-ħelsien mill-arrest kien il-fatt li l-post tar-residenza ta’ Gafá bħalissa huwa meqjus bħala “xena tad-delitt”, irrimarka l-ispettur. F’sottomissjonijiet fil-qosor fuq il-pleġġ, l-avukat Franco Debono, li assista lil Gafá flimkien mal-avukat Adreana Zammit, irrimarka li r-raġel ma kellux kundanni preċedenti. Kieku jingħata l-libertà proviżorja, kien joqgħod f’indirizz ieħor fil-Mellieħa ma’ ommu.
L-Ispettur Mercieca kkonferma li l-omm kienet tgħix hemm, iżda żied li fl-investigazzjoni ħareġ ukoll li fl-indirizz tagħha nstabet ukoll il-cannabis. L-Avukat Debono enfasizza l-ħtieġa ta’ Malta għal “halfway house” għat-trattament tal-vizzju tad-droga.
“Sfortunatament f’dan il-pajjiż m’hemm l-ebda post li ma jkunx ħabs, li fih persuna tista’ tiġi kkurata għall-vizzju tad-droga u ma titħalliex titlaq b’mod volontarju.” F’każ simili ftit tax-xhur ilu, il-Maġistrat Elaine Rizzo kienet sejħet ukoll biex titwaqqaf din it-tip ta’ istituzzjoni speċjalizzata, żied jgħid l-avukat.
“Ta’ 21 sena, ikun aħjar li tgħin tiddritta t-triq ta’ dan iż-żagħżugħ milli tħallih jgħaqad aktar,” qal Dr. Debono. Il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja minħabba r-riskju li tipperikola l-investigazzjoni li kienet għaddejja.
Il-Maġistrat Farrugia innutat li r-residenza tal-omm kienet ingħatat bħala indirizz potenzjali għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-omm stess ma kinitx preżenti fil-Qorti biex tiddikjara l-aċċettazzjoni tagħha. Minbarra dan, qalet il-Qorti, il-problema akuta tad-droga tal-imputat irriskjat li twassal biex iwettaq reat ieħor jekk ikun fuq garanzija.
It-talba tal-prosekuzzjoni għal ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha ta’ Gafá ġiet milqugħa wkoll.
L-Ispetturi Mark Merceica u Warren Galea mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit assistew lill-imputat.
//= $special ?>