Lokali

Eks Deputat Laburista jisħaq li jekk issir elezzjoni għada l-Partit tal-Labour jitlifha

“Il-poplu bħalissa għandu sentiment ta’ ‘anything but Labour‘”

Il-kriżi tant kemm hija waħda kbira fi ħdan il-Partit Laburista li nies u esponenti minn ħdan il-partit ta’ Robert Abela stess qed jisħqu li kieku kellha ssir Elezzjoni Ġenerali għada, l-Labour jitlifha.

Kliem li mhux biss qiegħed jingħad fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u fost id-delegati Laburisti li fil-jiem li ġejjin qed ikunu msejħa jixħtu l-vot tagħhom fl-elezzjonijiet interni tal-Labour – imma issa anke fuq il-midja lokali.

Dan hekk kif b’mod mill-aktar apert, l-Eks Deputat tal-Labour u eks membru fil-Grupp Parlamentari ta’ Robert Abela, Jean Claude Micallef, sostna fuq l-RTK ma’ Andrew Azzopardi li l-Partit Laburista bħalissa qabad it-triq biex jitlef l-elezzjoni ġenerali u s-sensazzjoni hemm barra hi li l-poplu ma jridx jaf bil-Labour, tant li skont hu, jekk issir elezzjoni għada jirbaħha l-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi dwar it-turbolenzi u l-konsegwenzi tar-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju, Micallef sostna li jidher li Abela ħass il-bżonn li kellu jbiddel lit-tim ta’ madwaru u qal li bl-elezzjonijiet interni tal-ġimgħa d-dieħla l-Labour se jiġġedded.

Madanakollu mistoqsi jekk għalih nies bħal Alex Agius Saliba u Ian Borg iqishomx bħala wċuħ ġodda – Jean Claude Micallef ħass li kellu jagħtihom kull sostenn, partikolarment lill-Ministru Borg li huwa l-uniku kandidat għal Deputat Mexxej tal-Labour minflok Chris Fearne – l-istess Borg li fl-aħħar snin kien involut f’numru ta’ kontroversji u skandli.

Jean Claude Micallef stqarr li jekk ma jsirux it-tibdiliet neċessarji l-Partit Laburista jista’ jibda jħejji ruħu għall-Oppożizzjoni hekk kif skont hu, min ma semax mid-delegati u nqata’ mill-grassroots kellu kriżi inevitabbli .

Bl-Eks Deputat Laburista jammetti li fi ħdan il-Labour kien hemm min ma mexiex bil-għaqal u li ċertu deċiżjonijiet meħuda nislu fih sens ta’ mistħija.

Intant, Micallef ikkundanna l-aġir ta’ Abela fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar fix-xhur li għaddew u saħaq li kellu sens ta’ weġgħa dwar kif ġiet trattata ħabibtu.

Dan  filwaqt li ħass il-ħtieġa li meta qamet id-diskussjoni dwar il-fatt li Robert Abela huwa dgħajjef quddiem il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, kellu jisħaq li l-Partit Laburista m’għandux iwarrab lill-istess Muscat minkejja l-akkużi serji fil-konfront tiegħu.