Lokali

“Jake Vella kien eżempju ħaj u ċar ta’ mħabba u gratitudni”

“Thank you Ma, Thank you Dad” – Dawn kienu l-aħħar kliem li qal iż-żagħżugħ Jake Vella, li ħalla din id-dinja fit-30 ta’ Awwissu fl-età ta’ 15-il sena.

Jake kien imfakkar għad-determinazzjoni u l-imħabba li kellu minkejja d-diffikultajiet li kien jinsab fihom b’kawża tal-kundizzjoni rari li kellu. Hu kien ta’ ispirazzjoni għal bosta għaliex minn sfida personali għaqqad pajjiż sħiħ u għallimna li dejjem għandna nkunu hemm għal xulxin mingħajr l-ebda distinzjoni.

Għall-ħabta tad-disgħa, mill-Isptar Mater Dei telaq il-korteo bir-roti li ntemm quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa fejn ġiet iċċellebrata l-ħajja taż-żagħżugħ.

Quddiem il-knisja kien hemm jilqgħu kelb tal-K9 mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin flimkien ma’ diversi għaqdiet fosthom l-iscouts u Birżebbuġa, l-Aquatic & Sports Club.

Il-quddiesa ġiet ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna. Preżenti kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech flimkien mas-Sinjura AnneMarie li waqt din iċ-ċelebrazzjoni, qrat is-salm responsorjali.

Fil-knisja ġew imqassma ikel tal-annimali sabiex jingħataw lill-annimali abbadunati, hekk kif Jake kien imfakkar ukoll għall-imħabba kbira li kellu lejn l-annimali.

Fl-omelija, l-Arċisqof Scicluna stqarr li l-maturità u l-għaqal qatt ma jistgħu jiġu mqabbla mal-għomor biss. Dan għaliex fil-każ ta’ Jake Vella, għalkemm ħalla din id-dinja ta’ età żgħira, fih insibu eżempju ċar tas-sens ta’ mħabba u gratitudni li kellu lejn il-ġenituri tiegħu u n-nies li ħadu ħsiebu matul żminijiet diffiċli.

Il-qraba taw ir-ringrazzjamenti tagħhom lit-tim mediku u l-isponsors li dejjem kienu hemm għal Jake kif ukoll il-Maltin u l-Għawdxin kollha li ħabbew lil Jake.