Lokali

L-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu jisfida lis-Sindku tal-Belt biex jippreżenta l-provi

L-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu sfida lis-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay sabiex jippreżenta u joħroġ l-evidenza li għandu sabiex waqqaf tender għall-proġett tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu.

Dan hekk kif permezz ta’ stqarrija fuq Facebook, McKay attakka lill-istess Arċipriet u l-Kapitlu Urban tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu u insista li l-polemika li nħolqot fl-aħħar jiem hija waħda bla bażi filwaqt li allega li qed titmexxa b’aġendi personali.

Is-Sindku, li issa ilu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar xahrejn, ċaħad li li l-Kunsill Lokali waqqaf dan it-tender fuq bażi ta’ diskriminazzjoni u insista li għandu provi ċari li dan it-tender kien wieħed ivvizzjat.

Minnufih, l-Arċipriet innifsu David Cilia wieġeb lill-istess Sindku u sfidah li qed jistenna li hu joħroġ il-provi filwaqt li qallu li minkejja li għamillu lista ta’ domandi l-istess Olaf McKay għadu ma wieġeb xejn.

Net News huwa infurmat li l-aħħar laqgħa tal-Kusnill Lokali illi saret nhar it-Tlieta li għadda, kellha parti minnha li saret fil-magħluq. Tant li lanqas ġiet imxandra online.

Fi stqarrija, il-parroċċa qalet li l-Kunsill Lokali mmexxi minn McKay, u megħjun mis-Segretarju Eżekuttiv, bla ebda diskussjoni mal-Kapitlu tal-Kolleġjata bħala firmatarju tal-ftehim mal-Planning Authority, reġa’ waqqaf it-tender biex dan il-proġett ma jkunx jista’ jsir.

Fatt li s-Sindku prattikament saħaq li ma tidħolx fiħa l-Kolleġġjata għaliex ir-responsabbiltà tal-proċess tat-tender u l-infieq tal-fondi hija tal-Kunsill.

Madanakollu, dan it-tender spiċċa reġa’ kixef il-qasma kbira li hemm f’dan il-Kunsill Laburista, hekk kif l-Eks Sindku Alfred Zammit ħareġ jiddikjara li huwa “kontra din id-deċiżjoni li jerġa’ jaqa’ t-tender għat-tieni darba”.

Minn naħa tiegħu, il-Kapitlu tal-Kolleġjata esprima d-dispjaċir tiegħu li l-Kunsill Lokali qed jiddiskrimina mal-parruċċani tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, b’akkaniment li qatt ma raw bħalu.

Finalment il-kunsillieri tal-PN qed jibqgħu kommessi li jsir il-proġett tal-faċċata tal-knisja, u fl-ebda ħin ma vvutaw biex jitwaqqa’ dan it-tender.