Il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed iħabbat wiċċu mal-kriżi tal-qtugħ tad-dawl – problema li qed tibqa’ tippersisti minn jum għall-ieħor – sfida li qed tissarraf f’inkonvenjenza kbira għaċ-ċittadini u għan-negozji.
Fl-aħħar jiem kien hemm qtugħ fil-provvista tal-elettriku fost oħrajn f’Birkirkara, l-Iklin, tal-Pietà, Isla, Naxxar, u Swieqi.
Jumejn qabel il-festa ta’ Marija Bambina l-Isla spiċċat fi dlam ċappa f’nofs iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-jiem ta’ qabel il-festa – b’numru ta’ ritratti jixhdu d-dalma totali li waqgħet quddiem iz-zuntier, bin-nies idawwlu ż-żona kif jistgħu permezz tal-mobiles.
Oħrajn saħqu kif diversi kellhom jagħlqu l-ħwienet u l-istabbilimenti tagħhom fil-lokalità tas-Swieqi minħabba l-fatt li wkoll mar id-dawl, oħrajn f’numru ta’ lokalitajiet saħqu li r-residenzi tagħhom spiċċaw qishom siġar tal-Milied iteptpu kull kwarta.
Dan b’riskju serju li jkollhom ħsarat estensivi f’numru ta’ appliances – diversi oħrajn spjegaw li minkejja li kellhom generator quddiem il-bieb ta’ darhom xorta waħda spiċċaw fi dlam, sħana u tidlik – u insistew li fl-2024, u wegħda wara l-oħra, bix-xieraq li jipretendu li ma jkollhomx l-ansjetà li d-dawl se jitlaq minn ħin għal ieħor.
Intant, il-Ministru Miriam Dalli flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela ilhom aktar minn sena u fuqhom iħabblu moħħhom kif se jsolvu din l-isfida tal-qtugħ tad-dawl li s’issa, bl-aktar mod ċar, għadhom ma qabdux il-kaptu tagħha.
//= $special ?>