Lokali

Nathalie Gatt Ellis tinħatar President ġdida għall-Azzjoni Kattolika f’Għawdex


Wara li sema’ s-suġġerimenti tad-Direttorju tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex, fl-aħħar ta’ Lulju li għadda l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma ħatar lil Nathalie Gatt Ellis, tabiba mill-Belt Victoria, bħala l-President il-ġdida tal-Azzjoni Kattolika f’Għawdex. Dan wara li l-post kien vakanti bil-mewt ta’ Carmel Attard fi Frar.

L-Azzjoni Kattolika hi waħda minn ħames movimenti jew għaqdiet prinċipali ta’ formazzjoni u appostolat tal-lajċi f’Għawdex, bi 30 Ċirkolu – 22 tan-nisa, 7 tal-irġiel, u wieħed tat-tfal.

Il-Leġjun ta’ Marija, li attwalment għandu bħala President djoċesan lil Albert Gauci minn Ta’ Sannat, f’Għawdex, għandu 61 Præsidium, kif jissejħu n-nuklei li jlaqqgħu minn tfal sa kbar, u huma preżenti kważi fil-parroċċi kollha.

Flimkien mal-Azzjoni Kattolika, il-Leġjun ta’ Marija qed jaħdem ħafna wkoll fost ħutna l-Kattoliċi ta’ lingwa oħra li jgħixu fostna, biex ikunu moqdija wkoll spiritwalment u jintegraw iżjed ruħhom fil-ħajja komunitarja lokali.

Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), li l-missjoni prinċipali tagħha hija l-katekeżi, hi preżenti f’Għawdex b’ħames Oqsma tas-Sezzjoni Maskili, fejn id-Delegat tas-Superjur Ġenerali hu s-Superjur Joseph Bonnici, u ħamsa oħra tas-Sezzjoni Femminili, bid-Delegati huma l-Assistenta Superjura Ġenerali Carmen Farrugia u s-Superjura Miriam Bartolo.

Fil-Knisja f’Għawdex hi preżenti wkoll il-Mixja Neokatekumenali, bi tliet gruppi li jiltaqgħu fil-Parroċċa tal-Katidral. Il-Mixja f’Għawdex hi kkordinata mill-koppja Joe u Giovanna Rapa.

Fl-aħħar nett, f’diversi parroċċi f’Għawdex jiltaqgħu regolarment il-Komunitajiet Ewkaristiċi u gruppi oħra tal-Lectio Divina, li jiżvolġu l-laqgħat tagħhom madwar il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija. Il-Komunitajiet Ewkaristiċi f’Għawdex huma kkordinati minn Mons. Ġużeppi Attard, Delegat tal-Isqof għal-Lajċi, u din l-esperjenza tinsab fi tmien parroċċi, fejn madwar 270 lajċi jiltaqgħu kull ġimgħa fil-Komunitajiet tagħhom.