Lokali

Helena Dalli tikkonferma li iktar minn xahar wara l-Pulizija ma kellhomx żvilupp dwar theddid li rċiviet

Il-Kummissarju Ewropew Helena Dalli qajmet dubji serji dwar l-azzjonijiet, jew aħjar in-nuqqas ta’ azzjonijiet, li qed jieħu l-Kummissarju tal-Pulizija biex jipproteġi lill-poplu Malti u Għawdxi.

F’post fuq Facebook li tefgħet Helena Dalli, hi kkonfermat l-istorja li żvelat il-gazzetta ‘il-mument’ fejn ritratti ppublikati juru persuna tpoġġi vażett bil-ħaxixa fuq l-għatba tar-residenza ta’ Dalli. Xi ħaġa li qed tkun meqjusa bħala theddida anke għall-fatt li sabet nota li tgħid “darb’oħra nkun ippreparat b’xi ħaġa għat-tfal”.

Dan ħareġ wara li l-kameras tas-sigurtà li jinsabu fl-entratura prinċipali tar-residenza ta’ Dalli qabdu lil din il-persuna tavviċina r-residenza u tħalli t-theddida fuq l-għatba qabel ma ħadet ritratt bi prova ta’ xogħolha.

Il-messaġġ wara din it-theddida mhux magħruf.

Din hi storja li tmur lura għall-31 ta’ Lulju li għadda, b’Dalli tgħid li hi għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan filwaqt li għadditilhom il-filmati tas-sigurtà.

Iżda, xahar wara dan il-każ, Dalli qalet li hi ma semgħet assolutament xejn lura mill-Pulizija tant li reġgħet ikkomunikat magħhom biex tara fiex waslet l-investigazzjoni. Bir-risposta li tieħu tkun waħda sempliċi – “għad m’hemm xejn”.

Prova ċara kemm il-Korp tal-Pulizija, taħt it-tmexxija ta’ Angelo Gafà, qed jonqos milli jagħti l-protezzjoni meħtieġa quddiem każijiet ta’ theddid.

Bl-aktar każ riċenti huwa ta’ mara li kienet mhedda minn missier binha permezz ta’ għajjat u tisbit fuq il-bieb. Bil-Pulizija, minkejja li daħlilha r-rapport minnufih, qatt ma marru fil-post biex jassistu lill-mara.