L-attenzjoni tas-segwaċi tal-isport Malti llum tkun fil-Port il-Kbir hekk kif issir edizzjoni oħra tal-aktar Regatta importanti – dik tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja. Għal darb’oħra, id-dwell ewlieni għar-rebħ tax-Shield mistenni jkun bejn Bormla, Birgu u l-Isla, b’taqtigħa missielta mistennija bejn aktar distretti f’Kategorija B.
Id-distretti parteċipanti baqgħu tmienja jiġifieri Birgu, Birżebbuġa, Bormla, Isla, Kalkara, Marsa, Marsamxett u Siġġiewi. Fil-maġġoranza tat-tlielaq saru diversi bidliet fl-ekwipaġġi mir-Regatta ta’ Marzu li għadda. Il-programm baqa’ l-istess bħal tal-aħħar edizzjonijiet iżda l-ewwel tellieqa tkun it-tellieqa tan-nisa li tibda fin-12.30pm. Imbagħad isegwu ħames tlielaq kull wieħed fil-Kategorija B u l-Kategorija Open li jalternaw ma’ xulxin. Il-poloz tal-korsiji telgħu llum fil-11.00am.
Tellieqa tan-nisa
Dominanza assoluta mill-Birgu fit-tellieqa tal-frejgatini tan-nisa hekk kif il-koppja magħmula minn Shazel Grima u Glynnis Mizzi kisbu rebħa komda b’qadfa konsistenti u temmew it-tellieqa f’seba’ minuti u 40 sekonda. L-Isla spiċċaw fit-tieni post segwiti mill-qaddiefa tal-Marsa li għelbu lil Birżebbuġa fl-aħħar metri. B’din ir-rebħa, il-Ġirbin żiedu s-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi f’din il-kategorija għal disgħa hekk kif prattikament rebħu kull tellieqa mill-2019.
L-ewwel tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’żewġ imqadef
Il-Kalkara rrepetiet is-suċċess miksub sena ilu meta permezz tal-koppja Gilmore Buttigieg u Godwin Buttigieg qasmu l-linja finali l-ewwel f’sitt minuti u 20 sekonda. F’taqtigħa mill-isbaħ, Marsamxett daħlu fit-tieni post segwiti mill-Birgu li f’Marzu li għadda kienu rebħu huma t-tellieqa.
Riżultat – 1. Kalkara 20 punt; 2. Marsamxett 12-il punt; 3. Birgu 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Gilmore Buttigieg, Godwin Buttigieg
It-tieni tellieqa – Kategorija A – Tal-Midalji
F’erba’ minuti u 47 sekonda, l-Isla kisbet rebħa missielta iżda importanti permezz tal-ekwipaġġ magħmul minn Davison Micallef, Glenn Zammit, Russell Bugeja, Andre Gauci. Is-Sengleani kienu fuq in-naħa ta’ barra tal-Port il-Kbir u rnexxielhom jegħlbu l-isfida tal-Birgu. Bormla li rebħu f’Marzu u Settembru li għadda, kellhom jikkuntentaw bit-tielet post.
Riżultat – 1. Isla 20 punt; 2. Birgu 12-il punt; 3. Bormla 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Davison Micallef, Glenn Zammit, Russell Bugeja, Andre Gauci
It-tielet tellieqa – Kategorija B – Kajjiki
It-tieni rebħa minn tnejn f’Kategorija B għad-distrett tal-Kalkara. Il-qaddiefa Christian Bugeja u Kurt Vassallo fetħu tajjeb mill-bidu u b’qadfa konsistenti dejjem kellhom vantaġġ fuq l-avversarji biex daħlu l-ewwel f’sitt minuti u 35 sekonda.
Din kienet it-tieni rebħa għal dawn iż-żewġ qaddiefa din is-sena wara li rebħu wkoll f’Marzu li għadda. Marsamxett reġgħu ħadu l-palju tat-tieni f’Kategorija B, u l-Isla rnexxielhom jieħdu t-tielet fl-aħħar metri għas-spejjeż ta’ Bormla.
Riżultat – 1. Kalkara 12-il punt; 2. Marsamxett 8 punti; 3. Isla 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Christian Bugeja, Kurt Vassallo
Ir-raba’ tellieqa – Frejgatini Kategorija A
Clyde Mizzi u Davison Micallef komplew jikkonsolidaw posthom fit-tellieqa tal-Frejgatini f’tellieqa missielta bejn erba’ distretti. L-Isla kisbu rebħa missielta f’sitt minuti u 55 sekonda wara dwell mal-qaddiefa tal-Birgu, bid-distrett ta’ Bormla jikkuntenta bit-tielet post. Il-qaddiefa tal-Isla b’hekk kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li kisbu l-palju tal-ewwel f’Marzu li għadda wkoll.
Riżultat – 1. Isla 12-il punt; 2. Birgu 8 punti; 3. Bormla 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Clyde Mizzi, Davison Micallef
Il-ħames tellieqa – Kategorija B – Tal-Midalji
Bormla baqgħu jirbħu l-palju tal-ewwel fit-tellieqa Tal-Midalji f’Kategorija B. F’ħin ta’ erba’ minuti u 49 sekonda, l-erba’ qaddiefa ta’ Bormla kellhom qadfa sabiħa f’tellieqa missielta hekk kif f’mument minnhom kien hemm dwell bejn erba’ distretti. Marsamxett reġgħu kisbu palju wkoll meta bi ftit daħlu t-tieni eżatt qabel l-Isla.
Riżultat – 1. Bormla 20 punt; 2. Marsamxett 12-il punt; 3. Isla 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Matthia Calleja, Nicholas Paris, Dione D’Amato, Denzel Thornton
Is-sitt tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass ta’ bit-Tnejn
Il-koppja Clive Casha u Dennis Thornton reġgħu ħarġu rebbieħa fit-tellieqa Tal-Pass ta’ bit-Tnejn fir-Regatta ta’ Settembru wara li kienu fallew is-sena l-oħra. Il-koppja veterana fetħu tajjeb mill-bidu iżda kellhom dwell akkanit u mill-isbaħ mal-qaddiefa tal-Isla u l-Birgu.
B’qadfa b’saħħitha lejn it-tmiem, il-koppja ta’ Bormla kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva f’ħames minuti u 37 sekonda b’vantaġġ minimu fuq l-Isla u l-Birgu. Għal Casha u Thornton din kienet i-tieni rebħa konsekuttiva wara 20 rebħa konsekuttiva qabel it-tellieqa tas-sena l-oħra.
Riżultat – 1. Bormla 20 punt; 2. Isla 12-il punt; 3. Birgu 6 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Clive Casha, Dennis Thornton
Is-seba’ tellieqa – Kategorija B – Frejgatini
Sena perfetta għad-distrett tal-Kalkara f’din it-tellieqa hekk kif Kohath Mallia u Ryan Degiorgio rrepetew is-suċċess miksub f’Marzu li għadda. F’seba’ minuti u 10 sekondi, huma rebħu d-dwell mal-aħwa Matthew u Steven Dalli b’qadfa b’saħħitha lejn it-tmiem biex poġġew lid-distrett tagħhom f’pożizzjoni tajba li jirbħu x-Shield.
Riżultat – 1. Kalkara 12-il punt; 2. Birżebbuġa 8 punti; 3. Bormla 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Kohath Mallia, Ryan Degiorgio
It-tmien tellieqa – Kategorija A – Kajjikki
Il-Birgu baqgħu b’ċans li jirbħu x-Shield meta reġgħu ħadu l-palju tal-ewwel fit-tellieqa tal-Kajjikki. Il-koppja Kieron Zammit u Nigel Sant irrepetew is-suċċess ta’ Marzu li għadda hekk kif prattikament kienu fuq quddiem tul it-tellieqa kollha. Marsamxett ħadu l-ewwel palju tagħhom fil-Kategorija Open segwiti minn Bormla. B’hekk, kollox għadu miftuħ għall-aħħar tellieqa.
Riżultat – 1. Birgu 12-il punt; 2. Marsamxett 8 punti; 3. Bormla 4 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Kieron Zammit, Nigel Sant
Id-disa’ tellieqa – Kategorija B – Tal-Pass b’Erbgħa
L-aħħar tellieqa li kienet dik deċiżiva, kienet missielta kif mistenni. Il-Kalkara bdew fuq quddiem qabel l-aħħar tellieqa madankollu ma rnexxielhomx jispiċċawha wara li ħabtu mal-qaddiefa tal-Birgu.
Il-qaddiefa ta’ Bormla ħadu vantaġġ u rebħu d-dwell missielet ma’ ta’ Birżebbuġa, b’Marsamxett daħlu t-tielet, riżultat li ma kienx biżżejjed għalihom. Din it-tellieqa ġiet sospiża darbtejn minħabba bidu falz kif ukoll ħabta ftit wara l-bidu. L-ekwipaġġ rebbieħ ta’ Bormla temm it-tellieqa f’ħames minuti u 30 sekonda.
Riżultat – 1. Bormla 24 punt; 2. Birżebbuġa 16-il punt; 3. Marsamxett 8 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Matthia Calleja, Nicholas Paris, Cleaven Falzon, Denzel Thornton
L-għaxar tellieqa – Kategorija A – Tal-Pass b’Erbgħa
It-tellieqa deċiżiva ma ddiżappuntatx. Dwell missielet bejn it-tliet distretti ewlenin, jiġifieri l-Birgu, l-Isla u Bormla, bid-distakk finali kien minimu. Finalment kien l-ekwipaġġ Ġirbi li bi ftit għeleb l-isfida tal-qaddiefa tal-Isla, b’tal-aħħar kienu joħorġu rebbieħa tax-Shield kieku rebħu l-aħħar tellieqa.
Riżultat – 1. Birgu 24 punt; 2. Isla 16-il punt; 3. Bormla 8 punti
Ekwipaġġ rebbieħ – Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clayton Darmanin, Sven Refalo
Klassifika Finali Kategorija Open
Birgu 62 punt; Isla 60 punt; Bormla 42 punt; Marsamxett 8 punti
Klassifika Finali Kategorija B
Bormla 48 punt; Kalkara 44 punt; Marsamxett 40 punt; Birżebbuġa 24 punti; Isla 10 punti; Birgu 6 punti
//= $special ?>