Internazzjonali

Xatt tal-Punent: Erba’ mejtin waqt attakk mal-fruntiera

L-awtoritajiet fil-Ġordan qed jinvestigaw inċident li fih tlett irġiel Iżraeljani sfaw attakkati u maqtula waqt li huma kienu fl-inħawi tal-fruntiera ta’ dan il-pajjiż max-Xatt tal-Punent.

Il-qawwiet Iżraeljani qalu li l-irġiel, kollha ċivili, kellhom jaqsmu għax-Xatt mill-Pont ta’ Allenby meta spiċċaw mira għal raġel armat li avviċinahom bi trakk ‘mill-inħawi tal-Ġordan’. Qed jingħad li l-aggressur niżel mit-trakk u fetaħ in-nar direttament fuq l-irġiel mill-viċin – u li spiċċaw tilfu ħajjithom fuq il-post.

L-aggressur, imbagħad, spiċċa ‘eliminat’ mill-qawwiet tas-sigurtà li, wara, fittxew fit-trakk tiegħu għall-isplussivi. L-istess qawwiet fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li l-aggressur ma kellux il-ħsieb li jwettaq xi splużjoni f’zona tal-Lhud fix-Xatt tal-Punent okkupat.

It-terminal fejn seħħet l-isparatura jinsab f’zona kontrollata mill-Iżraeljani u fejn il-vetturi li qed jivvjaġġaw mill-Ġordan iħallu l-prodotti li, imbagħad, ikunu trasferiti lejn ix-Xatt tal-Punent.

Dan l-aċċess mal-fruntiera kien magħluq fl-aħħar sigħat, b’Iżrael – b’konsegwenza tal-inċident – anki jagħlaq l-aċċessi kollha mill-art mal-Ġordan,

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ikkundanna l-qtil tal-irġiel waqt laqgħa tal-Kabinett filwaqt li fisser l-attakk bħala ‘sintomu tat-terroriżmu li qed ikompli jinfirex madwar il-Lvant Nofsani’.