Lokali

“Il-Gvern Laburista jkompli juri disprezz għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni” – PN

Il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem il-monument tal-Vittorja fil-Belt Valletta.
Kundanna għat-tneħħija ta’ ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia, fjuri u xemgħat minn quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, ikkundanna t-tneħħija ta’ ritratti tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fjuri u xemgħat minn quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir u li permezz tagħhom, attivisti qed ikomplu jfakkru l-memorja tagħha u jipprotestaw għall-verità u għall-ġustizzja.

Ir-ritratti, fjuri u xemgħat li tpoġġew mill-ġdid quddiem il-monument, wara li ġiet fi tmiemha ċ-ċerimonja li ssir kull sena quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja kif jiġri kull sena, reġgħu tneħħew mill-awtoritajiet.

Dan l-aġir juri d-disprezz li l-Gvern Laburista għandu għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u jikkonferma li jrid inessi l-memorja u l-investigazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jirrispetta b’mod sħiħ u mingħajr eċċezzjoni s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali (Emanuel Delia vs Ministru tal-Ġustizzja et) li ngħatat fit-30 ta’ Jananr 2020 u li minnha l-Gvern ma kienx appella. F’din is-sentenza, il-Gvern kien instab ħati ta’ ksur tal-libertà tal-espressjoni, pika u firda wara li għal snin sħaħ u b’mod ripetut neħħa fjuri u xemgħat li tqiegħdu quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta biex ifakkru lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti kienet qalet li l-Ministru Owen Bonnici kien pikuż u kompla jiżra’ l-firda meta għal xhur sħaħ ordna lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Indafa Pubblika jneħħu l-fjuri, xemgħat u ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Qorti qalet ukoll li t-tindif ma sarx biex inaddaf il-monument, iżda biex jiċċensura lil dawk li kellhom kull dritt jesprimu ruħhom.