Minkejja li diversi msieħba soċjali qed jinsistu għal bidla fil-mudell ekonomiku llum qabel għada, u minkejja li dawn l-appelli ilhom isiru għal snin sħaħ inkluż mill-Partit Nazzjonalista, il-Gvern xeba’ jwiegħed tibdil minn budget għal ieħor…. iżda s’issa smajna biss kliem u l-ebda azzjoni.
F’intervista li saret fuq l-istazzjon ONE, il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ wiegħed li fil-budget li jmiss, il-mudell ekonomiku ser jiġi mġedded għal mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità, mhux il-kwantità ta’ ħaddiema.
Din il-wegħda ilna nisimgħuha għal hafna żmien… iżda minkejja ħafna kliem fieragħ, Robert Abela ma semmiex x’miżuri se jkunu qed jittieħdu, wisq inqas ma’ timeline dwar meta pajjiżna se jibda jara xi forma ta’ bidla fid-direzzjoni.
Fl-aħħar ħin, il-Kamra tal-Kummerċ kompliet tisħaq b’mod ċar fuq il-ħtieġa li jsiru numru ta’ riformi fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Madankollu, l-istess Kamra tal-Kummerċ saħqet li ftit li xejn jidher li l-Gvern lest li jagħti widen għal dak li ilha tisħaq fuqu l-Kamra tal-Kummerċ.
Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista ilu snin sħaħ jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku differenti għal pajjiżna hekk kif spiċċajna niddependu minn ħaddiema impurtati mingħajr ebda preparazzjoni u kontro-miżuri; tant li issa qed inbatu minn konsegwenzi ta’ popolazzjoni u turiżmu li sploda bl-addoċċ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mhux biss offra soluzzjonijiet iżda saħansitra ressaq diversi proposti dwar kif pajjiżna jista’ jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar u kif il-pagi jistgħu jitjiebu permezz tal-ħolqien ta’ settur ġodda li joffru jobs aħjar għall-ħaddiema. Iżda, il-Gvern Laburista qed jibqa’ ma jagħtix widen.
Fl-istess intervista, Robert Abela assigura li d-defiċit f’Malta baqa’ jonqos sena wara sena… iżda nesa jsemmi li d-dejn nazzjonali f’Malta kompla jispara ‘l fuq u tela’ minn €4.9 biljun fl-2012 għal €9.7 biljun fl-2023.
Ironikament… fl-istess nifs li Robert Abela qal li dan il-Gvern wettaq dak li wiegħed, spiċċa waħħal f’kollox minbarra fin-nuqqasijiet tal-Gvern, sabiex jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu għax ma kellux il-ħila li jwettaq dak li wiegħed.
U issa għal diversi ġimgħat… Robert Abela naqas milli jindirizza t-tħassib li l-iskandlu fi ħdan Identità qed iġib miegħu – skandlu li jaf ikollu riperkussjonijiet diplomatiċi u li bħala Mexxej ta’ pajjiż hu mhux qed jindirizza tal-inqas b’mod pubbliku.
//= $special ?>