Internazzjonali

Il-Veneżwela: Il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jingħata l-kenn politiku fi Spanja

Il-Gvern tal-Veneżwela kkonferma li Edmundo Gonzalez, il-kandidat tal-Oppożizzjoni li ġimgħat ilu kkontesta għall-Presidenza, issa jinsab fi Spanja. Intant, xi sorsi li mhumiex affiljati mal-Gvern qalu li Gonzalez kien kostrett li jaħrab minn pajjiżu u li hu, issa, se jingħata l-kenn politiku fi Spanja. Hu anki minnu li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jagħmel xi  żmien mistoħbi biex ma jinżammx taħt arrest fil-Veneżwela.

It-Tmexxija tal-Veneżwela, qabel, kienet ħarġet mandat għall-arrest ta’ Gonzalez wara li l-Oppożizzjoni kkontestat ir-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali ta’ Lulju. Dan ukoll wara li l-Kunsill Elettorali tal-pajjiż, li hu kontrollat mill-Gvern, iddikjara lill-President tal-Veneżwela Nicolas Maduro bħala r-rebbieħ f’ċirkustanzi dubjużi għall-aħħar.

Il-Gvern ta’ Maduro issa qed jgħid li Gonzalez kien fittex refuġju ‘volontarjament’ fl-Ambaxxata Spanjola f’Karakas – u fejn hu, imbagħad, talab lill-Gvern ta’ Madrid biex jipprovdilu l-kenn politiku.

Ingħad ukoll li l-Gvern tal-Veneżwela qabel li Gonzalez jivvjaġġa ‘mingħajr l-ebda periklu’ lejn Spanja. Fl-istess ħin, il-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin,  José Manuel Albares, qal li Edmundo González kien ħalla pajjiżu ‘fuq it-talba tiegħu stess’ u permezz ta’ ajruplan tal-qawwiet tal-ajru Spanjoli.