Iċ-Chief Operations Officer ta’ Net Media, Karl Gouder, ikkonferma li se jikkontesta għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ikkonfermah hu stess f’kummenti lill-ġurnal Times of Malta.
S’issa, għad mhemmx data dwar meta se ssir l-elezzjoni għall-kariga ta’ Segretarju Ġenerali.
Gouder, li għandu 45 sena, huwa Eks Sindku ta’ San Ġiljan u serva bħala membru Parlamentari f’żewġ leġiżlaturi.
Fuq il-midja soċjali, Karl Gouder insista li dawn huma żminijiet eċċitanti u ta’ sfida għall-PN. Dan filwaqt li rringrazzja lill-Kap tal-PN Bernard Grech u lis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino għal-leadership li wrew fl-aħħar tliet snin.
Karl Gouder insista li l-pass li jmiss għandu jitwettaq flimkien, għall-ġid ta’ kulħadd.
Ikkummenta wkoll Michael Piccinino, li spjega kif fl-aħħar tliet snin Karl Gouder kien l-id il-leminija tiegħu.
“Kien il-persuna li mexxa ‘l NET Media għall-aqwa riżultati li qatt kellna, u l-persuna li kkoordina flimkien miegħi l-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda. Huwa ta’ pjaċir li nara nies bħal Karl jagħmlu pass ‘il quddiem biex ikomplu fuq ix-xogħol li għamilna flimkien”, stqarr Michael Piccinino.
//= $special ?>