Lokali

“L-impatt tal-iskema ‘Stabbiltà’ kien insinifikanti” – Kamra tal-Kummerċ

Analiżi li saret mill-Kamra tal-Kummerċ ikkonkludiet li l-impatt tal-iskema Stabbiltà kien insinifikanti, meta tikkunsidra li l-inflazzjoni kuljum qed tgħolli rasha. Il-Kamra tal-Kummerċ argumentat li kieku l-Gvern kellu jestendi din l-iskema, tkun biss ezerċizzju ta’ propaganda.

Dan ħareġ kemm mill-faċċata tal-Malta Independent on Sunday u anke l-editorjal tas-Sunday Times of Malta, wara li l-Kamra tal-Kummerċ esprimiet it-tħassib tagħha għall-iskema Stabbiltà – skema ta’ roħs fil-prezzijiet tal-ikel li daħlet fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ Frar, iżda qalgħet baraxx ta’ kritika kemm mill-esperti fl-industrija u anke mill-poplu. Dan għaliex wara xhur sħaħ fis-seħħ, ftit li xejn għamlet differenza fil-kont. Dan filwaqt li ma kien hemm ebda tip ta’  roħs fuq il-prodotti lokali bħalma huma l-ħalib, il-ħobż u l-frott u l-ħaxix frisk.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, sostniet li l-Kamra tal-Kummerċ mill-bidu nett kienet kontra tali skema, għaliex din l-iskema ġġib magħha riżultat rigressiv. Dan filwaqt li appellat lill-Gvern biex jindirizza l-problema tal-inflazzjoni fl-għerq tagħha u jindirizza l-problemi li qed jikkawżaw żidiet fl-ispejjeż.

Fi kliem Silvan Mifsud, membru fil-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ, l-eżerċizzju ta’ roħs fil-prezzijiet tal-ikel ifakkar f’għexieren ta’ snin ilu meta l-Gvern għażel li jikkontrolla s-suq minflok ippromova l-kompetizzjoni permezz ta’ moniteraġġ u regolamentazzjoni xierqa. B’hekk, is-suq mhux jitħalla jiżviluppa u l-operaturi jikkompetu fil-miftuħ skont il-preferenza tal-konsumatur.

Dan filwaqt li fir-realtà l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-ikel qajmu gwerer tal-prezzijiet bejn is-supermarkets.

Mistoqsi kif tkun is-sitwazzjoni li kieku ma kienx hemm il-mekkaniżmu ta’ Stabbiltà, Mifsud qal li meta jħares lejn il-kategoriji differenti tal-ikel, jemmen li s-sitwazzjoni kienet xorta tkun simili għal dik li hi bħalissa. Dan ifisser li l-iskema ftit li xejn għamlet differenża sabiex tiġġieled l-għoli tal-ħajja.

Il-Kamra tal-Kummerċ kompliet tisħaq b’mod ċar fuq il-ħtieġa li jsiru numru ta’ riformi fl-ekonomija Maltija.  Madankollu ftit li xejn jidher li l-Gvern lest li jagħti widen għal dak li ilha tisħaq fuqu l-Kamra tal-Kummerċ.

Fl-aħħar jiem ġie ppreżentat id-dokument ta’ qabel il-Budget għall-2025 fejn jelenka l-prijoritajiet ta’ riforma li l-komunità kummerċjali temmen li mhumiex qed jiġu indirizzati b’mod adegwat mill-Gvern, bl-aktar waħda urġenti tkun l-importazzjoni bil-massa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għalkemm kabbret l-ekonomija, qed tħalli pressjoni soċjali u ekonomika kbira