Internazzjonali

L-Indoneżja: Imxejjen kumplott tal-ISIS kontra l-Papa li qed ikompli biż-żjarat fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku

L-awtoritajiet fl-Indoneżja rnexxielhom iġibu fix-xejn kumplott kontra l-ħajja tal-Papa Franġisku waqt li hu, ftit jiem ilu, kien għaddej bi żjara f’dan il-pajjiż. Il-kumplott jidher li kien ‘ispirat u ppjanat’ mill-grupp terroristiku ISIS u fil-preżent hemm tal-anqas seba’ suspettati li qegħdin jgħinu lill-investigaturi dwar il-każ.

Il-Papa – li għaddej bi żjara ta’ 12-il jum fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku – bħalissa qed jikkonkludi l-impenji tiegħu f’Papua New Guinea u kien biss fl-aħħar sigħat ukoll li d-dettalji tal-kumplott bdew jidhru fuq il-mezzi tal-istampa internazzjonali.

L-Indoneżja, li għandha l-akbar popolazzjoni ta’ Musulmani minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja, ilha l-għexieren tas-snin tikkumbatti l-pjaga tat-terroriżmu.

Sadanittant, qed jingħad li s-suspettati involuti fil-kumplott spiċċaw arrestati aktar kmieni fix-xahar wara li xi ċittadini mħassbin għaddew l-informazzjoni lill-Pulizija dwar ‘ċerta attività suspettuża’.

Skont il-gazzetta, ‘Straits Times’, il-Pulizija, waqt wieħed mir-rejds fid-djar tas-suspettati, sabu diversi armi, fosthom qaws u vleġġeġ, drone u fuljetti ta’ propaganda tal-ISIS.

Jirriżulta wkoll li t-terroristi potenzjali kienu rrabjati talli l-Papa Franġisku żar waħda mill-moskej ewlenin f’Jakarta, il-kapitali tal-Indoneżja. Dakinar, l-istazzjonijiet tat-televiżjoni fl-Indoneżja kienu appellaw biex ma tixxandarx is-soltu sejħa lill-Iżlamiċi għas-sessjonijiet tat-talb fil-moskea waqt li jkun preżenti l-Papa – żvilupp li jidher li qanqal dan il-pjan qattiel mis-segwaċi fanatiċi tal-ISIS fil-pajjiż.

Theddid fuq il-websajts

Għadu mhux magħruf x’rabta kellhom ma’ xulxin is-seba’ allegati terroristi, iżda issa qed joħorġu rapporti li wħud kienu anki ħarġu theddid ‘relatat għall-Papa’ fuq xi websajts u li għal dawn irreaġixxiet taqsima tal-Pulizija Indoneżjana li hi speċjalizzata għal kontra t-terroriżmu. Dan kien jinvolvi jiem ta’ moniteraġġ qabel il-ħin tal-azzjoni u l-arresti sussegwenti.

L-irġiel taħt arrest kienu anki qed jippjanaw li jagħtu n-nar lil xi lokalitajiet fl-Indoneżja, iżda ma ntqalx jekk il-moskea kinitx ‘inkwadrata fost il-miri’.

Iż-żjara tal-Papa Franġisku fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku tinkludi anki programm ta’ impenji f’Timor tal-Lvant u Singapore.