Internazzjonali

L-Iran: L-appoġġ militari lill-Kremlin qed jeskala bil-kbir il-kunflitt tal-Ukrajna

L-Istati Uniti infurmat lill-pajjiżi alleati dwar il-probabbiltà kbira li l-Iran ittrasferixxa numru ta’ missili ballistiċi lir-Russja biex jintużaw kontra l-Ukrajna. Il-missili jintużaw għal fuq id-distanzi qosra u meta mhux magħruf  meta u kif saru t-trasferimenti tagħhom lill-qawwiet tal-Kremlin..

L-informazzjoni kienet ipprovduta mis-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti u filwaqt li l-Gvern Amerikan ma kkonfermax it-trasferiment ‘mija-fil-mija’, il-kelliema f’Washington xorta waħda tennew it-tħassib għall-fatt li l-Iran qed iżid dejjem aktar l-appoġġ militari lir-Russja ta’ Vladimir Putin.

Sean Savett, bħala kelliem għall-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali f’Washington, qal li kwalunkwe trasferiment ta’ missili ballistiċi mill-Iran lir-Russja għandu jirrappreżenta eskalazzjoni drammatika fl-appoġġ ta’ Tehran lill-gwerra ta’ aggressjoni (min-naħa tar-Russi) kontra l-Ukrajna – sitwazzjoni li għandha ssarraf anki f’dejjem aktar qtil ta’ ċivili Ukreni.

L-Istati Uniti u l-Ewropa anki qed jinkwetaw li l-partnership bejn l-Iran u r-Russja saret theddida kbira wisq għas-sigurtà tal-Punent. U l-appoġġ militari ta’ Tehran lir-Russja qed jindika wkoll li l-influwenza tal-Iran estendiet anki ‘l hinn mil-Lvant Nofsani u fejn ir-reġim ta’ Ayatollah Ali Khamenei qiegħed jixpruna kontinwament politika ta’ destabbilizzazzjoni.

L-Iran anki qed jipprovdi lir-Russja bi drones, tat-tip Shahed, u li ilhom jintużaw fil-kampijiet tal-battalja fl-Ukrajna. Dawn id-drones meqjusa bħala kontribuzzjoni sinifikanti lill-Magna tal-Gwerra tal-Kremlin minħabba l-livell kbir ta’ ħsara li kapaċi jikkaġunaw.