Iż-żjara li l-Papa Franġisku qed jikkonkludi f’Papua New Guinea kienet fuq kollox intiża biex hu jwassal messaġġ qawwi kontra l-abbuż u l-marġinaliżmu tan-nisa lokali. Dan meta r-rata tal-vjolenza kontra n-nisa f’dan il-pajjiż hi rappurtata bħala ‘aktar mid-doppju’ tal-medja globali.
Il-Papa insista biex il-Knisja Kattolika f’Papua New Guinea tkun ‘spalla akbar’ għan-nisa residenti f’dan il-pajjiż fin-Nofsinar tal-Asja – u fejn, fuq kollox ħeġġeġ għal sens akbar ta’ kompassjoni u biex in-nisa kollha jkunu rispettati.
Waqt li kien f’Papua New Guinea, il-Papa kien infurmat dwar il-ħidma tal-Knisja lokali li tieħu ħsieb lin-nisa li qed jispiċċaw attakkati fiżikament u akkużati bħala ‘sħaħar’ – sitwazzjoni fejn dawn in-nisa anki qed jispiċċaw imwarrbin minn familthom stess.
Skont il-UN Women, entità globali li taħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, mas-60 fil-mija tan-nisa f’Papua New Guinea sofrew, f’xi żmien, minn vjolenza fiżika u sesswali taħt idejn is-sieħba tagħhom. Dan meta huma komuni l-akkużi – kważi dejjem infondati – kontra nisa partikulari li jingħad li jipprattikaw il-maġija s-sewda u fejn l-istess nisa qed jispiċċaw vittma taċ-ċirkustanzi.
Intant, numru ta’ residenti Kattoliċi jemmnu li ż-żjara tal-Papa f’Papua New Guinea kapaċi twassal għal bidla f’din is-sitwazzjoni xejn sabiħa għall-mara.
Fil-fatt, ħafna min-nies intervistati qalu li l-opportunità biex huma jaraw il-Papa u anki jeħdulu b’idejh għandha tipprovdi stimolu pożittiv għall-ġejjieni f’pajjiż li hu mifni wkoll bil-kriminalità vjolenti.
//= $special ?>