Lokali

“Qed naraw riflessjoni ta’ Gvern li qed jifni lill-poplu bit-taħwid u bil-piżijiet” – Bernard Grech

“Riflessjoni ta’ Gvern li qed jifni lill-poplu bit-taħwid u bil-piżijiet.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li kellu dalgħodu fuq Net Television meta kien qed jitkellem dwar l-iskandlu tal-Aġenzija Identità.

Dan meta għandna Kummissarju tal-Pulizija u Ministru responsabbli li qed jibqgħu siekta, bil-Prim Ministru li qed jiddefendihom quddiem skandlu wara l-ieħor.

“Byorn Camilleri qed jibqa’ sieket u jiddefendihom,” qal Bernard Grech. “U jien nistaqsi: Byorn Camilleri x’jaf? U dan apparti li l-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendih.”

Quddiem dan kollu, Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jiġġedded u jissaħħaħ għall-ġid tal-poplu Malti.

“Mhux biss se nkomplu nħabbtu l-bibien, imma jien stess se nkun f’diversi lokalitajiet biex nibqgħu qrib in-nies,” qal Bernard Grech. “Aħna konxji li l-kuntatt man-nies huwa dak li jqarribna lejkom.”

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwassal appell għall-ġid ta’ pajjiżna.

“Għidulna l-istorja tagħkom għax b’hekk nistgħu nitgħallmu u nimxu ‘l quddiem,” qal Bernard Grech.

Bernard Grech fakkar fil-festi tal-Indipendenza, b’attivitajiet li se jwasslu għall-mass meeting lejlet il-21 ta’ Settembru.

“Flimkien se niksbu suċċess għal pajjiżna,” qal Bernard Grech.