Libjan ta’ 32 sena, li joqgħod Pembroke, ġie akkużat li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu li bihom ingħata l-pleġġ. Il-prosekuzzjoni qalet li kien hemm diversi drabi li l-akkużat ma marx jiffirma l-għassa u f’nofs din il-ġimgħa, kellu seduta l-Qorti u m’attendiex għaliha.
Il-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu għas-seduta li jmiss. Isem l-akkużat mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li huwa missier żewġt itfal minuri li spiċċaw vittmi ta’ ‘bullying’, meta isem missierhom kien ixxandar fuq każ ieħor.
Il-prosekuzzjoni qalet li meta l-akkużat mar jiffirma l-għassa jumejn ilu u l-Pulizija infurmawh li hu arrestat, ħarab u kien l-għada li l-akkużat mar minn jeddu d-depot. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih bid-difiża titlob li jingħata l-ħelsien mill-arrest bil-prosekuzzjoni toġġezzjona.
Il-Qorti semgħet lil Feliciano Camilleri jixhed li l-akkużat jaħdem miegħu bħala xufier ta’ vetturi tal-Y-Plates u li dakinhar tas-seduta, l-akkużat waqfitlu l-vettura li kien qed isuq u l-kumpanija tal-irmonk damet ma’ marret fuq il-post.
Qal ukoll li vettura tal-Y-plates ma tistax titħalla waħedha fit-triq u l-akkużat kellu joqgħod jistenna magħha. Il-Maġistrat Monica Vella qalet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ, l-akkużat wera li mhux persuna affidabbli biex jimxi mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u għalhekk, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>