B’total ta’ 74 vot, Karei bil-kanzunetta ‘Nistħajlek hawn’ hija r-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2024 – festival rinomant mal-festi li jfakkru l-kisba ta’ Malta Indipendenti.

Il-kanzunetta ‘Nistħajlek hawn‘ setgħet tkun possibbli għall-kompożitur Mark Spiteri Lucas u l-awtur Paul Ellul.

Fit-tieni post ikklassifikat Kristy Spiteri bil-kanzunetta ‘Il-Ħtija tagħna lkoll’ b’kompożizzjoni ta’ David Joseph Sammut u kliem ta’ Ritienne Frendo.

U Enya Magri kkwalifikat fit-tielet post bil-kanzunetta ‘Bizzilla’ b’kompożizzjoni ta’ Philip Vella u kliem ta’ Emil Calleja Bayliss.

Il-premju tat-televoting intrebaħ minn Bizzilla kantata minn Enya Magri.
Is-serata finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza kienet ippreżentata minn tliet nisa b’ħafna esperjenza fix-xena tad-divertiment li lkoll ippreżentaw ħafna programmi kemm fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq ir-radju. Dawn huma Valerie Vella, Eileen Montesin u Christine Haber, b’xandira diretta fuq NET Television u NET OnDemand, finali li apparti ħafna talent lokali u varjat, fiha kantaw 20 kantant u kantanta.
Il-kanzunetti kollha kienu oriġinali u b’lirika bil-Malti. Intant, il-mistiedna speċjali kienu fost oħrajn ir-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2023 Eliana Gomez Blanco u Mike Spiteri.

