Raġel ċaħad akkużi relatati ma’ attakk sesswali li allegatament sar fuq mara fl-Imsida nhar it-Tlieta li għadda. Afewerki Teklesembet Yohannes ta’ 41 sena, raġel Eritrean li joqgħod Tal-Pieta, deher quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech it-Tnejn, akkużat li uża arma biex iġiegħel lill-mara tissottometti ruħha għal att mhux kunsenswali ta’ natura sesswali f’bar fl-Imsida, fit-3 ta’ Settembru li għadda.
Huwa kien akkużat ukoll li żamm lill-mara kontra r-rieda tagħha, li ssuġġettaha għal imġiba sesswali mhux mixtieqa, wassalha biex tibża’ li se tintuża l-vjolenza kontriha, weġġagħha ħafif u serqilha l-ismart watch.
L-Ispettur tal-Pulizija Michael Vella, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Nadia Ciappara mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qal lill-Qorti li l-mara kienet marret f’għassa tal-Pulizija biex tgħidilhom li kienet “għadha kemm ġiet stuprata”. Imbagħad il-mara kienet indikat lill-imputat lill-Pulizija.
Il-Pulizija ġew infurnati kif, aktar kmieni dakinhar filgħaxija, il-mara u l-għarus tagħha kienu r-Rocky Beach f’Paceville, meta l-basket tagħhom sparixxa. Raġel kien avviċina lill-koppja biex jgħidilhom li jista’ jgħinhom u qalilhom imorru f’bar fl-Imsida biex min ħa l-basket ikun jista’ jirritornah lura lil mara.
Huwa qal ukoll lill-mara li kieku kienet Kolombjana kienu jagħtuha l-borża, iżda mhux jekk l-għarus tagħha kien Ewropew, u għalhekk l-għarus aċċetta li jżomm’ lura minn dan kollu. Hu ta lill-mara l-mowbajl tiegħu u qalilha biex iċċempel in-numru tal-emerġenza jekk jiġri xi ħaġa.
Ġewwa l-bar tal-Imsida fejn suppost kellha tiltaqa’ mar-raġel, il-mara ħasset li kien hemm xi ħaġa stramba, iżda meta ppruvat titlaq sabet li l-bieb kien illokkjat. Ir-raġel, Yohannes, imbagħad allegatament qabdilha sidirha u neħħielha l-ismartwatch tagħha.
Meta sema t-taqbida minn wara l-bieb, l-għarus tal-mara ta daqqa ta’ sieq lill-bieb li nfetaħ u salvaha. Huwa kien sab lill-imputat iġorr martell u l-mowbajl tal-mara, li l-imputat kien għadda lir-raġel immedjatament.
Wara l-arrest tiegħu, Yohannes ittieħed l-isptar biex jiġi kkurat għal ġrieħi ħfief li ġarrab f’idejh. Meta sussegwentement ġie interrogat, ir-raġel kien ħareġ stqarrija awdjoviżiva li fiha kien ċaħad kollox, u insista li kienu l-koppja li avviċinawh f’San Ġiljan.
Iżda peress li l-perjodu tal-arrest tiegħu kien se jiskadi fi ftit tal-ħin, ir-raġel inħeles fuq police bail dik il-lejla u arrestat mill-ġdid meta rritorna l-għassa l-għada. Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-Avukat Franco Debono, li assista lill-imputat flimkien mal-avukat Adreana Zammit, talab il-ħelsien mill-arrest, bl-argument li r-raġel kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 13-il sena u kien impjegat bi qliegħ.
L-Ispettur Vella informa lill-Qorti li minkejja li r-raġel kien reġistrat ma’ jobsplus bħala self-employed u li għandu ristorant, ma kien speċifikat l-ebda ristorant, għaliex l-indirizz tax-xogħol ipprovdut kien l-indirizz tad-dar tiegħu.
Dr. Debono insista li “l-iktar ħaġa importanti” kienet il-fatt li wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq il-libertà proviżorja tal-Pulizija kien obda l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja tiegħu u żamm l-appuntament tiegħu fl-għassa. “Għandna indirizz, pleġġ tal-Pulizija, indirizz fiss,” qal l-avukat.
Il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li kien sostna li għandu impjieg full-time iżda ma kienx jaf fejn jaħdem, dan ikkomplika aktar l-affarijiet għall-imputat. “Qal li ħadem fil-kostruzzjoni iktar kmieni llum! Ma’ min jaħdem fil-kostruzzjoni?”
Id-difiża spjegat li Yohannes kien jaħdem fil-kostruzzjoni u “issa kien qed jipprepara biex jiftaħ ir-restorant tiegħu stess.” Filwaqt li nnutat li l-avukat tar-raġel kien qed jagħmel minn kollox għalih, l-imputat kien qed jinsisti li jispara f’saqajh, il-Qorti infurmat lill-partijiet li deċiżjoni fuq il-pleġġ se tingħata fil-futur qarib.