Fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu, pajjiżna intlaqat minn dik li qed tkun meqjusa bħala l-ewwel maltempata ta’ wara s-sajf – xita li ħarbtet mhux ftit lil dawk kollha li kienu sejrin għax-xogħol, minħabba li f’xi zoni inġemgħu konġestjonijiet kbar ta’ traffiku.
U għalkemm l-istaġun sajfi għadu m’għaddiex, jidher li matul din il-ġimgħa se jkun qed jaqleb it-temp u jifriska xi ftit – b’temperaturi aktar baxxi u b’riħ aktar qawwi.
Fil-fatt, skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta matul din il-ġimgħa t-temperatura mhux se taqbeż it-30 grad celcius. L-ogħla temperatura se tvarja bejn 24 grad celcius u 29 grad celcius.
Imbagħad, matul il-lejl, it-temperatura se tvarja bejn 19-il grad celcius u 23 grad celcius li żgur se sservi ta’ aħbar tajba għal dawk li jħobbu temperaturi aktar friski.
Fil-jiem li ġejjin, it-temp se jibqa’ imsaħħab filwaqt li skont it-tbassir tat-temp, il-Ġimgħa mistennija tirritorna x-xita.
Apparti minn hekk, f’dawn il-jiem se jkollna wkoll riħ qawwi illi lejn tmiem il-ġimgħa se jlaħħaq Forza 6. Però f’jiem oħra l-forza tar-riħ se tvarja bejn 4 u 5.
U għalhekk għal dawk kollha li jħobbu jqattgħu l-ġranet ħdejn il-baħar jidher li din il-ġimgħa ma tantx se jkun possibbli kaġun tar-riħ qawwi li se jaħkem il-Gżejjer Maltin.
//= $special ?>