Internazzjonali

Gaza: Vittmi ċivili waqt attakk fuq it-terroristi qalb zona umanitarja ‘l hinn minn Khan Younis

Il-grupp terroristiku Ħamas qed jakkuża lill-Iżraeljani dwar ‘attakk premeditat’ fuq zona umanitarja fin-naħa t’isfel ta’ Gaza. Dan ukoll fost l-akkużi li l-azzjoni ssarrfet fl-għexieren tal-imwiet fost il-Palestinjani.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani qed jenfasizzaw li l-azzjoni konċentrat fuq l-inħawi fejn, allegatament, kien hemm numru ta’ kapijiet tat-terroristi li kienu qed jippjanaw l-attakki fuq l-ibliet ta’ Iżrael matul il-jiem li ġejjin.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ missili laqtu zona fejn, fost oħrajn, hemm il-kampijiet għall-eluf ta’ refuġjati Palestinjani. L-isem taz-zona hi al-Mawasi u din tinsab lejn il-Lbiċ ta’ Khan Younis. L-Iżraeljani, wara, qalu li l-ajruplani tal-gwerra tagħhom attakkaw lil xi siti indikati minn qabel bħala moħbiet tat-terroristi u li kollox mexa skont il-pjan.

Il-militar Iżraeljan anki qed jiċħad ir-rapporti tal-Ħamas fis-sens li, wara l-attakk. kienu rkuprati ‘l fuq minn 40 katavru mill-inħawi partikulari.

Fil-preżent, mijiet tal-eluf ta’ Palestinjani mid-diversi bnadi ta’ Gaza qegħdin jgħixu fl-agħar kundizzjonijiet qalb il-kampijiet ta’ al-Mawasi. Dan wara li huma kellhom jirrilokaw għal hemmhekk biex ma jinqabdux fl-eqqel tal-battalji bejn il-Ħamas u l-qawwiet ta’ Iżrael.

Intant, l-inħawi ta’  al-Mawasi, għal sigħat sħaħ, triegħdu bl-isplużjonijiet tal-missili fost in-nirien kbar li qabdu f’numru ta’ zoni. Il-livell ta’ qerda sussegwenti, wara, kien imfisser bħala ‘devastanti’ u meta numru ta’ tined litteralment ‘inbelgħu’ mill-ħofor li nfetħu fl-artijiet bl-impatt tal-missili.

Il-kelliema Palestinjani fl-inħawi anki konfermaw tal-anqas 60 midruba fl-attakk u fost rapporti li kien hemm anki ħafna nies mirdumin taħt il-fdalijiet tar-residenzi.

Min-naħa tagħhom, il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li l-ajruplani tal-gwerra wettqu ‘attakk preċiż’ fuq it-terroristi li kienu qed jippjanaw l-azzjonijiet minn ċentru għall-kmand u kontroll tal-Ħamas fil-qalba tal-hekk imsejħa zona umanitarja.

Ingħad li fost it-terroristi fil-mira tal-Iżraeljani kien hemm Samer Abu Daqqa, li jmexxi taqsima partikulari tal-Ħamas u Osama Tabesh, il-kap ta’ dipartiment affiljat mal-kwartieri ġenerali tas-servizzi sigrieti militari tal-grupp terroristiku.

Fl-istess ħin, l-awtoritjiaet Iżraeljani tennew li, qabel l-attakk, is-servizzi sigrieti ta’ Iżrael kienu ġabru l-informazzjoni estensiva dwar l-inħawi li kellhom jisfaw mira għall-ajruplani. Jidher li saru wkoll diversi missjonijiet ta’ sorveljanza mill-ajru matul is-sigħat ta’ qabel l-attakk u fejn ‘kienet ikkonfermata l-preżenza tal-gruppi tat-terroristi fl-inħawi.