Hu evidenti li l-Gvern Malti għandu problemi kbar mal-Unjoni Ewropea kollha.
Hekk sostna l-MEP Ċek Tomáš Zdechovský f’kummenti mal-ġurnal Brussels Morning wara li faqqa’ f’pajjiżna l-iskandlu tal-ID Cards. Bil-ġurnal Belġjan isostni li l-problemi għal Malta għad iridu jeskalaw aktar, wara li ġie ffrodat il-proċess tal-ħruġ ID Cards f’pajjiż li hu membru taz-zona Schengen.
Fil-ġurnal, ġie spjegat kif il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Darren Carabott kien voċiferu ferm wara li nkixef dan l-iskandlu mill-Avukat Jason Azzopardi. Intqal ukoll li din il-kwistjoni ser tkun perikoluża ferm għas-sigurtà ta’ Malta kif ukoll għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea kollha, minħabba l-fatt li l-karta tal-identità Maltija hija wkoll waħda Ewropea – fejn wieħed jista’ jmur fejn irid fil-pajjiżi taz-zona Shengen.
L-MEP Ċek tefa’ wkoll dawl fuq il-fatt li Malta kellha probemi simili rigward l-iskema taċ-ċittadinanza. Dan wara li ħarġu fil-beraħ każijiet ta’ sinjuruni Russi u oħrajn minn pajjiżi varji li kienu ta’ periklu għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u għal Malta, b’ħafna minn dawn in-nies instabu ħatja ta’ reati varji – fosthom każijiet ta’ frodi u evażjoni ta’ taxxa.
Hu sostna li ser ikun qiegħed jikteb lill-Kummisjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit x’ser jiġri issa li feġġ dan l-iskandlu tal-ID Cards, u ser jistaqsi wkoll jekk l-Unjoni Ewropea hux qed tinvestiga dan il-każ xokkanti li jitfa’ lill-Maltin u l-Ewropej kollha f’periklu kbir.
//= $special ?>